Matul is-sena li għaddiet, id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni ġabret b’suċċess mas-57,600 tunellata ta’ skart u solviet kważi 96% tal-każi kollha li rċeviet.
Dan ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli, u s-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika, Glenn Bedinfield, fejn ġie spjegat li l-għan tal-investiment massiċċ ta’ €11 miljun f’makkinarju ġdid għal din id-diviżjoni, qed jgħin favur għixien f’ambjent nadif u sostenibbli għall-komunitajiet Maltin u Għawdxin.
Skont ċifri, li ngħataw, jidher ukoll li matul l-2024, id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni rċeviet total ta’ 20,218-il rapport minn ċittadini u entitajiet pubbliċi, li kollha kienu relatati ma’ rapporti ta’ ħmieġ u manutenzjoni f’lokalitajiet differenti.
Fil-maġġoranza tagħhom, dawn ir-rapporti waslu permezz tal-app tad-diviżjoni, Clean & Upkeep.
Fil-fatt din l-app tniżżlet aktar minn erbat elef darba matul l-2024. Dan sforz ukoll il-kampanja ta’ għarfien bil-karattru ta’ Xummiemu li ħalliet l-impatt tagħha matul ix-xhur tas-sajf.
“Sodisfatt ħafna li, matul is-sena li għaddiet, komplejna nżidu l-effiċjenza fl-operat tagħna. Qed nirrispondu aktar spiss għar-rapporti li jkollna. Kellna madwar għoxrin elf rapport li 96% minnhom ħdimnihom fi żmien raġjonevoli. Jien dejjem nesiġi aktar mit-tim ta’ nies tagħna, allura dejjem inkun irrid li naħdmu aktar ħalli nkomplu nżidu l-effiċjenza u l-operat tad-diviżjoni tagħna.”
Glenn Bedingfield, Segretarju Parlamentari
Sadanittant, ONE News tkellem mad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni, Ramon Deguara, fejn spjega kif jinsabu mpenjati favur pajjiż aktar nadif u organizzat.
“L-użu tal-artificial intelligence fuq il-makkinarju tagħna qegħda tgħinna ħafna biex inkunu aktar produttivi u effiċjenti. Bi pjaċir ngħid li l-ħaddiema aċċettaw din il-bidla fl-operat tagħhom ħalli nkomplu ninvestu biex il-ħaddiema tagħna nagħtuhom l-aqwa għodda neċessarja li hawn bħalissa fis-settur tal-indafa madwar id-dinja kollha prattikament.”
Ramon Deguara, Direttur Ġenerali
Il-Ministru Dalli għaddiet messaġġ ċar li kulħadd għandu jagħti s-sehem tiegħu biex ikollna Malta aktar nadifa u sabiħa.
“Il-Gvern jagħmel il-parti tiegħu bid-Dipartiment tal-Public Cleansing, fl-investiment fil-makkinarju, fix-xogħol li jsir fit-toroq tagħna, però anke l-pubbliku. Għandna ħafna nies li jipparteċipaw b’mod attiv, jorganizzaw cleanups, però hu tajjeb li kull wieħed u waħda minna jara li l-iskart ma jarmihx fit-toroq, fil-kampanja tagħna u fl-ibħra tagħna.”
Il-Ministru Miriam Dalli