Matteo, Valentina, Noah, Emma, Liam u Ella kienu l-aktar ismijiet popolari ta’ trabi rreġistrati f’pajjiżna matul l-2024, filwaqt li Ġanni u Luċija baqgħu l-aktar ismijiet popolari bl-ittri diatriċi Maltin.
Dan ħareġ minn statistika uffiċjali għas-sena li għaddiet mill-aġenzija Identità.
L-istess ċifri wrew li, matul l-2024, ġie rreġistrat it-twelid ta’ erbat elef, mija u sebat itrabi, li minnhom kien hemm ftit aktar subien milli bniet.
Dan filwaqt li, fl-2024, ġew irreġistrati ukoll inqas imwiet. B’kollox fil-fatt, ġew irreġistrati total ta’ 3,764 mewt, li minnhom 1,951 kienu rġiel u 1,813 nisa.
L-istatistika miġbura mir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta turi biċ-ċar li s-servizz offrut mill-fergħa li Identità għandha fl-Isptar Mater Dei jibqa’ mill-aktar imfittex mill-pubbliku inġenerali.
Fil-fatt mad-90% tat-twelid kollha u kważi 60% tal-imwiet matul l-2024 f’pajjiżna ġew innotifikati f’dan l-uffiċċju.
L-2024 rat ukoll kważi elfejn koppja li ngħaqdu fiż-żwieġ, waqt li ġew irreġistrati żewġ unjonijiet ċivili u 51 koabitazzjoni.
Matul l-2024, ir-Reġistru Pubbliku ħareġ aktar minn tlieta u sebgħin elf ċertifikat ta’ twelid, żwieġ u mewt, żieda ta’ 4,777 fuq is-sena ta’ qabel, u 811-il ċertifikat ta’ stat ħieles.
Waqt li nnota l-ħidma tar-Reġistru Pubbliku, il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija Identità, Steve Agius, fakkar fil-funzjoni essenzjali li dan jaqdi, fejn primarjament jirrikonoxxi u juffiċjalizza kwalunkwe stat ċivili taċ-ċittadini Maltin mill-bidu sat-tmiem tal-ħajja tagħhom.
Tenna l-impenn tal-aġenzija li tibqa’ toffri servizz ta’ kwalità kemm permezz tar-Reġistru Pubbliku kif ukoll permezz tat-taqsimiet kollha fi ħdanha.