Fiċ-Ċina seħħet l-eżekuzzjoni ta’ raġel li kien instab ħati li qatel mill-anqas 35 persuna f’attakk bil-karozza f’Novembru li għadda f’dak li hu meqjus bħala l-agħar attakk li sar fil-pajjiż fl-aħħar għaxar snin.
Fan Weiqiu ta’ 62 sena darab għexieren oħra meta saq il-karozza tiegħu fuq nies li kienu qed jeżerċitaw irwieħhom barra stadium fil-belt tan-Nofsinhar Zhuhai.
Il-midja tal-Istat Ċiniż irrappurtat li raġel ieħor kien ukoll ingħata l-mewt għal attakk separat li seħħ ġranet wara. Xu Jiajin ta’ 21 sena qatel tmienja min-nies f’attakk sfrenat b’arma taqta’ u bil-ponta fl-università li kien jattendi fil-belt ta’ Wuxi.
L-awtoritajiet kienu qalu li Fan kien motivat minn nuqqas ta’ sodisfazzjon ta’ kif kienet inqasmet il-propjetà tiegħu wara d-divorzju filwaqt li Xu għamel l-attakk tiegħu wara li naqas li jġib diploma kawża ta’ riżultati tal-eżamijiet ħżiena.
Fan kien ġie arrestat fuq il-post nhar il-11 ta’ Novembru u f’Diċembru nstab ħati li poġġa fil-periklu l-ħajja ta’ persuni fil-pubbliku bil-qorti tiddeskrievi dan l-att bħala wieħed vili u li uża metodi partikolarment krudili.
L-eżekuzzjoni tiegħu llum it-Tnejn waslet inqas minn xahar minn meta l-qorti tagħtu sentenza tal-mewt.
Fil-każ ta’ Xu, il-pulizija kienu qalu li ammetta mill-ewwel fis-16 ta’ Novembru u kien ġie mogħti l-piena tal-mewt nhar is-17 ta’ Diċembru hekk kif il-qorti ddeċidiet li ċ-ċirkostanzi tal-każ kienu koroh u estremament serji.
Gruppi li jimmilitaw favur id-drittijiet umani jemmnu li ċ-Ċina hija l-aktar nazzjon li tesegwixxi l-piena tal-mewt u toqtol eluf ta’ nies kull sena iżda l-pajjiż ma jagħmilx pubbliku dettalji dwar kemm-il darba tingħata din il-piena u għalhekk mhemmx ċifri uffiċjali.