Mill-bidu ta’ din is-sena, il-fazzjoni estremista, li qed tiddetta dak kollu li jseħħ fil-PN u li tmexxi lil Bernard Grech minn imnieħru, “ħadet over kompletament” fil-Partit Nazzjonalista. Żvelaw dan, ma’ ONE News, persuni midħla sew tad-Dar Ċentrali.
Intqal li l-fazzjoni estremista, bil-perċimes tagħha d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, ħu l-esponent tal-għaqda Repubblika, Robert Aquilina, qed tiddetta kull ma jiġri fil-Partit, kull ma jgħid il-Kap Bernard Grech u saħansitra l-mod kif jitkellmu u meta jidhru ħafna mid-deputati oħrajn Nazzjonalisti.
ONE News jinsab informat li, ma’ Karol Aquilina, ingħaqdu bis-sħiħ l-eks Kap Simon Busuttil u l-eks deputat u avukat tal-għaqda Repubblika Jason Azzopardi.
Nistgħu niżvelaw li hemm sinerġija sħiħa bejn l-għaqda Repubblika u din il-fazzjoni estremista, tant li l-attakki fuq il-Gvern, fuq il-Prim Ministru Robert Abela u fuq membri tal-Gvern qed jiġu kkordinati ferm iżjed.
Ħafna drabi, l-ewwel toħroġ Repubblika, permezz ta’ Robert Aquilina u Jason Azzopardi, imbagħad ikompli l-Partit Nazzjonalista bi stqarrija uffiċjali. ONE News informat li fil-PN dawn jgħaddu kollha minn taħt idejn Karol Aquilina qabel jiġu ppubblikati.
L-aktar aspett interessanti ta’ din l-istrateġija konġunta hu s-sehem, mill-ġdid, tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, li l-ġimgħa l-oħra wkoll kien il-mistieden speċjali tal-għaqda Repubblika biex jagħmel diskors fil-Belt Valletta.
“Il-Partit Laburista llum sar refuġju għall-politiċi kriminali.”
L-Eks Kap Nazzjonalista, Simon Busuttil
ONE News informat ukoll li Karol Aquilina nsista li Busuttil għandu jerġa’ jingħata spazju sħiħ fil-Partit Nazzjonalista u, għalkemm Bernard Grech qed iħossu mhedded, ma kellux għażla oħra ħlief ibaxxi rasu.
“Bernard bla saħħa ta’ xejn. Karol, Jason u Simon poġġewh Kap. Ma jistax imerihom jew jeħodha kontrihom, għax jaf li jispiċċa barra fit-triq, kif ġralu Delia”, qalulna s-sorsi tagħna.
Il-fatt li l-PN sar ħaga waħda ma’ tal-għaqda Repubblika, dejqet bil-kbir lil Deputati, bħal Mario De Marco, Adrian Delia, Carm Mifsud Bonnici u David Agius, iżda jafu li ma jistgħu jagħmlu xejn huma lanqas, inkella jispiċċaw fil-mira tagħhom.
Dan filwaqt li oħrajn qed jaħsbu għal rashom, konxji li m’għandhomx saħħa biex joġġezzjonaw għal din l-istrateġija ġdida Nazzjonalista.
ONE News informat li l-uniku deputat li jaħseb li jista’ jiddeċiedi għalih innifsu u jagħmel ta’ rasu hu d-Deputat Għawdxi Alex Borg.