Quddiem it-32 proposta konkreta tal-Malta Labour Migration Policy, il-Partit Nazzjonalista mhux biss baqa’ bla soluzzjonijiet iżda qed jopponi wkoll il-bidla proposta.
Il-Partit Laburista qal, fi stqarrija, li l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista spjegaha d-Deputat Ivan Castillo li ntbagħat jiddibatti fuq is-suġġett mill-istess partit. Hu qal b’mod ċar li l-Partit Nazzjonalista huwa kontra li l-permessi għall-ħaddiema ġodda jiżdiedu minn €300 għal €600.
Bl-istess pożizzjoni jikkonfermaha d-Deputat Justin Schembri f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista li saret fid-Dar Ċentrali nhar il-Ġimgħa.
Dawn id-dikjarazzjonijiet juru b’mod ċar li l-Oppożizzjoni hija kontra l-ħsieb tal-Gvern favur stabbiltà fis-suq tax-xogħol, fejn filwaqt li min jinvesti fil-ħaddiema li diġa’ għandu jiġi jaqbillu, jiżdied il-prezz għal min irid jibqa’ jżid in-numri.
Din hi waħda minn 32 proposta ggwidati minn erba’ prinċipi.
L-istqarrija kompliet li l-Partit Nazzjonalista la għandu prinċipji u lanqas proposti u wara snin ixewwex fuq is-suġġett, l-uniku ħaġa li qed jgħid li jrid jagħmel hi li jorganizza konferenza.
Din mhux l-ewwel darba li l-Oppożizzjoni jew kienet assenti, bħal meta l-gvern kien qed jagħmel riformi fis-settur tat-temping agencies jew il-kirjiet, jew saħansitra opponiet b’għemilha bidliet importanti.
Pereżempju wriet li hija wkoll kontra l-passi li ħa l-Gvern biex waqqaf il-ħruġ ta’ permessi għal ħaddiema ġodda fis-settur tal-Y-Plates u l-food couriers. Passi li fissru tnaqqis ta’ madwar elf ħaddiem barrani f’sena, u li l-oppożizzjoni minflok appoġġjat, rat kif għamlet biex iddaħħal id-dubji.
Mhux ta b’xejn li quddiem dan kollu, li l-unika soluzzjoni għall-Kap Bernard Grech hija l-konferenza nazzjonali.
Il-Partit Laburista jfakkar li anke meta ftit ta’ snin ilu pajjiżna kien qed jiffaċċja sfida kbira ta’ immigrazzjoni rregolari, Bernard Grech ħaseb li se jsolviha b’konferenza.
Minflok Gvern Laburista xammar il-kmiem, implimenta strateġija u proposti ċari u r-riżultati jidhru. L-istess se jiġri bil-Malta Labour Migration Policy, li huma l-istess imsieħba soċjali li qed jiddeskrivuha bħala pass importanti ‘l quddiem.