Ftehim, li ġie ffirmat fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, ikkonferma li art, li tinsab fi Triq il-Misraħ il-Barrieri, fl-Imsida, ġiet trasferita għand il-klabb tal-futbol ta’ Msida Saint Joseph għal tul ta’ 45 sena.
Permezz tas-sussidju ta’ 95% offrut mill-Gvern fuq l-akkwist ta’ artijiet biex jiġu kkonvertiti f’faċilitajiet sportivi, l-ammont totali ta’ kera li l-klabb se jħallas fis-sena hu ta’ €620, minflok il-valur attwali ta’ madwar €11,800.
Il-klabb issa qiegħed f’pożizzjoni biex jamministra din l-art u, permezz tal-ftehim, il-klabb issa għandu inċentiv ewlieni biex jinvesti f’faċilitajiet sportivi li minnhom se jibbenefikaw bosta tfal u żgħażagħ.
Il-Ministru Grima qal li dan hu ftehim ieħor li juri l-impenn tal-Gvern biex ikompli jgħin lill-għaqdiet sportivi. Hu tkellem dwar id-diversi skemi ta’ għajnuna li qed jingħataw lill-assoċjazzjonijiet u l-klabbs biex dawn isaħħu l-ħidma tagħhom fid-diversi dixxiplini sportivi rispettivi.
“Proprju, għall-ewwel darba, l-Imsida Saint Joseph se jkollhom titlu fuq din il-proprjetà, titlu li jagħti l-istabbiltà, li anke jgħin lill-istess klabb biex ikun jista’ jippjana kemm il-preżent u fuq kollox il-futur ta’ dan il-klabb. Klabb li għandu aktar minn mitt sena hu tant ta’ benefiċċju għar-residenti kollha Misidjani”.
Il-Ministru Clifton Grima
Il-President tal-klabb tal-futbol, Robert Farrugia, qal li, b’dan il-ftehim, il-klabb issa jista’ jagħmel qabża ta’ kwalità f’dawk li huma faċilitajiet moderni li se jkunu wkoll ta’ benefiċċju għall-komunità kollha.
“Din hi ħolma għall-Misidjani kollha, li ilna naħdmu u nirsistu fuqha, għalkemm kienet tal-Education qabel, dejjem ħdimna, irranġajna u żbagħna, kollox aħna konna nagħmlu, imma qatt ma kellna xejn tagħna. Illum għandek fejn tinvesti, forsi tkun trid tirranġa naqra t-tim u l-affarijiet kollha li hemm bżonn.”
Robert Farrugia, Presidnet Msida St. Joseph FC
Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm ukoll Matthew Pisani, f’isem SportMalta, li qal kif dan hu konferma oħra tal-ħidma tal-istess entità biex is-settur sportiv jibqa’ miexi ’l quddiem.