Iżrael ħeles 90 priġunier, ftit aktar minn seba’ sigħat wara li tliet ostaġġi Iżraeljani inħelsu mill-Hamas u ġew irritornati Iżrael.
Xarabank li fiha kien hemm għexieren ta’ Palestinjani ħarġet mill-ħabs Iżraeljan ta’ Ofer li jinsab eżatt ħdejn il-belt ta’ Ramallah fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu. Skont lista maħruġa mill-Kummisjoni tal-Priġunieri tal-Awtorità tal-Palestina dawk kollha meħlusa kienu nisa u tfal li Iżrael kien qed iżomm għal dawk imsejħa offiżi relatati ma’ sigurtà nazzjonali li kienu jvarjaw minn tfigħ ta’ ġebel sa akkużi aktar serji ta’ attentati ta’ qtil.
Dan il-ħelsien wasal fit-tieni jum ta’ ftehim ta’ waqfien mill-ġlied maqsum fi tliet fażijiet li daħal fis-seħħ il-Ħadd filgħodu.
It-tregwa kellha suppost tidħol fis-seħħ fis-7:30 ta’ filgħodu ħin ta’ Malta iżda kienet ittardjata għall-10:15 wara li Iżrael irrifjuta li jimplimenta l-ftehim għax ma kienx irċieva l-ismijiet tal-ostaġġi li kienu se jkunu meħlusa mill-Hamas. L-ewwel fażi tal-ftehim se tkun qed tara lil Hamas jeħilsu 33 ostaġġ matul sitt ġimgħat filwaqt li jiġu reċiprokati bil-ħelsien ta’ mijiet ta’ Palestinjani li qed jinżammu fil-ħabsijiet ta’ Iżrael.
Il-Ħadd, il-Hamas ħelsu tliet nisa Iżraeljani li twasslu għand ir-Red Cross f’Gaza qabel ma ġew trasferiti għand il-militar ta’ Iżrael. It-tlieta li huma qed jingħataw il-kura fi sptar f’Tel Aviv u jinsabu f’kundizzjoni stabbli. Huwa mistenni li Iżrael jeħilsu bejn 30 u 50 Palestinjan għal kull ostaġġ meħlus mill-Hamas.
It-tieni fażi tal-ftehim se jkun qed jimxi lejn waqfien permanenti tal-ġlied fil-medda ta’ Gaza. Hawnhekk il-Hamas iridu jeħilsu l-kumplament tal-ostaġġi b’Iżrael jeħles madwar elf Palestinjan. F’din il-fażi il-militar Iżraeljan irid jirtira kompletament minn Gaża.
Matul it-tielet fażi tal-ftehim, li se jkun qed jara r-rikostruzzjoni ta’ Gaża, il-Hamas huma mistennija li jagħtu lura l-iġsma tal-ostaġġi li mietu waqt li kienu qed jinżammu minnhom.