Marsaxlokk ħallew għall-aħħar biex għelbu lil Zabbar SP bl-iskor ta’ 3-1, bl-eroj assolut għalihom ikun is-sostitut Alex De Aguilar Gomes li rreġistra doppjetta personali f’temp ta’ żewġ minuti tard fil-partita u anke ġie vvutat bħala l-Player tal-Logħba. Ta’ nota huwa l-fatt li din kienet l-ewwel telfa għal Zabbar wara sitt riżultati konsekuttivi.
Ta’ nota huwa l-fatt li għall-ewwel darba matul dan l-istaġun fil-Malta Premier kien hemm raba’ uffiċjal mara – Jo-Anna Vassallo.
Kien biss fit-13-il minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota fil-partita b’Marsaxlokk ikunu huma li joħolqu l-periklu meta Nikolai Muscat kellu x-xutt tiegħu mid-distanza jgħaddi jħakkek mal-wieqfa.
Huma komplew jipproduċu l-isbaħ logħob u f’corner qasir Jose Ulises Arias għadda lejn Yuri De Jesus Messias li kellu x-xutt b’saħħtu tiegħu mdawwar f’corner mill-goalkeeper ta’ Zabbar SP, Mathew Grech.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tax-Xlukkajri u fit-22 minuta Yuri De Jesus Messias b’eleganza ittanta xortih permezz ta’ rovexxjata minn taħt il-lasta li iżda ntemmet ftit għoli.
Zabbar wieġbu erba’ minuti wara permezz ta’ freekick insidjuż mid-distanza ta’ Diogo Joao Tavares li għadda ftit barra.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fil-31 minuta fetħu l-iskor meta wara indeċiżjoni fid-difiża ta’ Marsaxlokk, il-ballun wasal għand KRISTIAN KEQI li żmarkat u minn pożizzjoni ideali tefa’ l-ballun wara Calleja Cremona, biex b’hekk irnexxielu jsib ix-xibka proprju kontra l-ex team tiegħu.
Tmien minuti wara Marsaxlokk rebħu penalty meta Matthew Grech deher li rifes u waqqa’ lil Jose Ulises Arias fil-kaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu l-ispeċjalista YURI DE JESUS MESSIAS li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt b’saħħtu tefa’ l-ballun naħa u lil Grech in-naħa opposta.
Fil-55 minuta Zabbar kienu ferm sfortunati li ma reġgħux marru fil-vantaġġ meta wara li rċieva minn cross fil-baxx ta’ Stefan Ilic, Diogo Joao Tavares, kellu t-tentattiv tiegħu minn taħt il-lasta jaħbat ma’ sieq il-wieqfa, bix-Xlukkajri jeħilsuha ħafif.
Marsaxlokk wieġbu fis-67 minuta meta Yuri De Jesus Messias venven xutt sabiħ minn tarf il-kaxxa li ġie mdawwar f’corner bi bravura minn Grech.
Zabbar reġgħu ħolqu l-periklu fis-77 minuta meta Brian Ariel Gambarte kellu xutt fil-baxx mid-distanza li ntemm ftit barra.
Iżda kienu x-Xlukkjari li reġgħu marru fil-vantaġġ fil-81 minuta meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, il-ballun prattikament ħabat ma’ ras, ALEX DE AGUILAR GOMES li kien ilu biss żewġ minuti fil-ground u ntemm ġewwa.
Huma ssiġillaw ir-rebħa permezz tat-tielet goal żewġ minuti wara meta minn indeċiżjoni ta’ Matthew Grech, il-ballun ħabat ma’ sieq il-wieqfa qabel intemm għand Yuri De Jesus Messias li għadda lejn ALEX DE AGUILAR GOMES li mill-viċin tefa’ ġewwa, biex b’hekk irreġistra doppjetta personali f’temp ta’ żewġ minuti.
Ix-Xlukkajri komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Matthew De Gabriele
Player tal-Logħba: Alex De Aguilar Gomes (Marsaxlokk FC)