Il-Eurostat qed turi kif Malta hija fost l-aqwa għaxar pajjiżi li naqqsu l-intensità tal-emmissjonijiet.
Fir-rapport tagħha l-Eurostat uriet kif f’Malta, fl-2023, kien hemm 6,443 kilo ta’ emissjonijiet, dan ifisser tnaqqis ta’ 2.7% mill-2022. F’Ċipru, il-Latvja u s-Slovakkja l-emissjonijiet mqabblin ma’ xulxin żdiedu fl-2023, minn-naħa l-oħra fid-Danimarka, l-Awstrija, ir-Rumanija u l-Iżvezja, l-emissjonijiet bejniethom naqsu daqs jew ftit inqas milli naqsu f’pajjiżna. Iżda ħafna aktar importanti minn dan kollu, ir-rapport tal-Eurostat jindika li l-intensità tal-emissjonijiet meta tqis l-attività ekonomika, jiġifieri kemm emissjonijiet isiru għal kull ewro ta’ valur miżjud li jiġi kkreat, naqsu bi 32% bejn l-2013 u l-2023.
Malta fil-fatt hija l-għaxar pajjiż fl-Unjoni li l-aktar li naqqas l-intensità tal-emissjonijiet iġġenerata mill-attività ekonomika. Meta wieħed jagħti ħarsa lejn il-pajjiżi membri taż-Żona Ewro, Malta qiegħda fit-tmien post.
Waħda mir-raġunijiet ewlenija wara t-tnaqqis fl-intensità tal-emissjonijiet f’Malta kienet il-qalba mill-Heavy Fuel Oil għall-gass naturali. Fl-istess ħin, f’pajjiżna, il-maġġorparti tat-tkabbir ekonomiku seħħ fl-industrija tas-servizzi, partikolarment dawk diġitali, dawn ftit li xejn jikkreaw emissjonijiet li jniġġsu, u allura aktar ma jiżdiedu ftit li xejn iwasslu għal impatt ambjentali negattiv.
Dwar dan kollu tlabna r-reazzjonijiet tal-Ministru responsabbli mill-qasam tal-enerġija Miriam Dalli.
“Dan il-progress li rajna fl-aħħar snin, fejn inti tara meta kkumparat ukoll mat-tkabbir Ekonomiku tal-pajjiż, jorbot mal-impenn li qiegħdin nagħtu lil-Kummissjoni Ewropea, fejn permezz tal-pjan tagħna, pjan nazzjonali dwar l-emissjonijiet u anke l-klima, qiegħdin nimpenjaw ruħna li sas-sena 2030 nkunu naqqasna l-emissjonijiet b’aktar minn 40 fil-mija’’
MIRIAM DALLI