Fis-snin li għaddew, eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin irnexxielhom iqumu fuq saqajhom u jinqatgħu minn sitwazzjoni ta’ faqar li kienu fiha, bis-saħħa ta’ għadd ta’ miżuri soċjali li ġew introdotti mill-Gvernijiet Laburisti ta’ wara l-2013.
Ċifri uffiċjali mħabbrin fil-Parlament mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, din il-ġimgħa jindikaw is-suċċess ta’ miżuri bħall-In-Work Benefit u t-Tapering of Benefits, li wkoll kompla jiżdied fl-aħħar snin.
Waqt li wieġeb għal żewġ mistoqsijiet tad-Deputata Graziella Attard Previ dwar tali benefiċċjarji soċjali, il-Ministru Falzon ta żewġ tabelli b’dawk li ġew mgħejjuna mill-istat, skont is-sena li tali miżuri ddaħħlu.
F’dan il-każ it-Tapering of Benefits li beda fl-2014 u l-In-Work Benefit li beda jitħaddem mis-sena ta’ wara.
Fil-każ tal-miżura tat-tapering of benefits, li għenet aktar individwi jidħlu fid-dinja tax-xogħol, waqt li l-assistenza soċjali ma tinqatagħlhomx minnufih, is-snin bejn l-2015 u l-2017 raw l-ogħla benefiċċjarji, fejn iċ-ċifra nqabżet b’aktar minn 3,000 persuna kull darba.
Iżjed minn hekk, l-In-Work Benefit, li jassisti koppji jew single parents fid-dinja tax-xogħol u li jkollhom tfal taħt it-23 sena li jkunu dipendenti fuqhom, ra ferm aktar li gawdew.
Fil-fatt, waqt li fiż-żmien li konna ħerġin mill-pandemija tal-COVID-19 fl-2022 kien hemm ftit inqas minn disat elef li kienu qed jieħdu dan il-benefiċċju, dawn splodew fis-sentejn li għaddew biex illum igawdu minnu madwar 25,000 persuna.
BENEFIĊĊJARJI IN-WORK BENEFIT
- 2015 – 1,359
- 2016 – 2,112
- 2017 – 3,350
- 2018 – 4,463
- 2019 – 5,093
- 2020 – 5,309
- 2021 – 7,206
- 2022 – 8,640
- 2023 – 25,108
- 2024 – 24,814
Mill-informazzjoni jirriżulta kif, wara bidu modest, iċ-ċifri żdiedu ferm aktar mas-snin u aktar familji bdew jiġu mgħejjuna u mħajra jidħlu fid-dinja tax-xogħol, waqt li wkoll jinqatgħu minn kull dipendenza fuq l-assistenza soċjali.
Sal-2013, eluf ta’ persuni kienu jsibuha aktar faċli jibqgħu jgħixu fuq il-benefiċċji soċjali, flok isibu xogħol bla ebda inċentiv biex jinfatmu mis-sitwazzjoni.
Minflok, it-Tapering of Benefits, pereżempju, għenet lill-istess persuni biex isibu mpjieg u jiksbu anke dinjità, waqt li l-benefiċċji li kienu jgawdu ma jinqatgħulhomx ħesrem appena jibdew jaħdmu, iżda jitnaqqsu gradwalment fuq l-ewwel snin.