Ġie inawgurat l-ewwel kumpless għall-kura paljattiva f’pajjiżna ta’ Hospice Malta. Il-kumpless St. Michael’s Hospice tlesta fosthom frott investiment ta’ madwar €9 miljun mill-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali, l-NDSF u fondi Ewropej. Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela, Il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u bosta Ministri u Segretarji Parlamentari fost mistiednin distinti.
L-investiment f’dan fil-proġett se jwassal biex madwar l-1,500 pazjent u familja li taħdem magħhom Hospice Malta jingħataw kura paljattiva aħjar u b’dinjità aktar li tixraq f’dan il-kumpless, li se joffri għadd ta’ servizzi fosthom minn psiko-terapisti. F’dan il-kumpless anki se jingħata taħriġ lill-professjonisti fil-qasam tal-kura paljattiva. Is-servizzi komprensivi li se jingħataw se jgawdu minnhom persuni li ma jibqgħux jirċievu kura fl-isptarijiet u ma jistgħux jgħixu fir-residenzi tagħhom. F’dan il-kumpless hemm fil-fatt ukoll ġnien aċċessibbli li joffri serenità lill-pazjenti u l-familji tagħhom f’fażi delikata fil-ħajja tagħhom.
F’indirizz li għamel, il-Prim Ministru Robert Abela fisser il-ħidma ta’ Hospice Malta bħala waħda importanti u li tempatizza ma’ tant familji. Qal li l-qagħda ekonomika b’saħħitha ta’ pajjiżna trid tkompli sservi ta’ ġid għal proġetti soċjali bħal dak ta’ Hospice li l-Gvern appoġġja bis-saħħa permezz tal-NDSF u l-fondi allokati minn fondi Ewropej. Dr Abela temm jawgura iktar ħidma importanti mwettqa minn Hospice u nnota kif dan l-investiment sar frott ukoll ħidma konġunta bejn l-Istat u l-Arċidjoċesi ta’ Malta.