Ftit sigħat qabel ma suppost daħlet fis-seħħ il-liġi li tipprojbixxi 170 miljun Amerikan mill-pjattaforma TikTok fl-Istati Uniti, TikTok ma setax jibqa’ jintuża.
Messaġġ li qed jidher fuq din l-app malli l-utenti fl-Istati Uniti jipprovaw jużaw TikTok, qed jgħid li bħalissa ma tistax tuża TikTok. Dan il-messaġġ jgħid ukoll li jinsabu xxurtjati li l-President Donald Trump qed jipprova jsib soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni.
Dan qed isir wara li l-President Amerikan attwali Joe Biden qal, li mhux ser tkun l-amministrazzjoni tiegħu li tiddeċiedi dwar il-futur ta’ Tik Tok, iżda ser tħalli f’idejn l-amministrazzjoni ta’ Trump.
Fil-fatt Trump sostna li malli jidħol fil-kariga tiegħu bħala President tal-Istati Uniti tal-Amerika nhar it-Tnejn li ġej, se jkun qed jagħmel estensjoni ta’ desgħin jum biex il-poplu Amerikan ikun jista’ jerġa juża din il-pjattaforma.
Din l-app ingħatat spinta fi żmien il-pandemija, hekk kif ħafna nies minn pajjiżi differenti rrikorew fuqha biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u anke jagħmlu xi trend partikolari.
Tik Tok hija wkoll pjattaforma fejn f’ħafna pajjiżi, partikolarment fl-Istati Uniti isservi bħala sors ta’ introjtu għall-familji.
Hekk kif id-deċiżjoni tinsab f’idejn il-Qorti Suprema, jidher li m’hemmx wisq tama u lanqas sinjali pożittivi li din t-Tik Tok jibqa’ jeżisti għall-Amerikani.