Godfrey Leone Ganado, l-awditur qrib il-fergħa estremista fil-Partit Nazzjonalista magħruf għat-tgħajjir tiegħu kontra esponenti laburisti, reġa’ għamilha fuq il-mezzi soċjali.
F’kitba li għamel fuq il-pjattaforma X, Leone Ganado stqarr li l-Membri Parlamentari Ewropej għandhom jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom ħalli jkun hemm sanzjonijiet kontra l-Fondi Ewropej għal Malta, u dan b’rabta mal-ħidma tal-Gvern għar-riforma fl-inkjesti maġisterjali.
Din mhux l-ewwel darba li Ganado kiteb kontra pajjiżna u l-Partit Laburista. Fil-fatt, Ganado huwa l-istess persuna li saħansitra kien qal li jrid l-għaks ħalli l-Partit jitlef il-gvern u jitla’ l-Partit Nazzjonalista.
Ta’ min ifakkar ukoll kif Ganado kien instab ħati fil-Qorti talli ppubblika kliem ta’ tixwix u mibegħda fil-konfront tal-Prim Ministru Robert Abela u lejn kull min jappartjeni għal Partit Laburista.
Ganado għandu nteress li jħammeġ lil pajjiżna. Ta’ min isemmi li huwa gawda mhux ħażin taħt il-Partit Nazzjonalista fil-gvern, fejn saħansitra kien tqiegħed Chairman tal-Enemalta minkejja li ma kellu l-ebda esperjenza fil-qasam, fi żmien li din il-kumpanija kienet qabdet in-niżla. Huwa kien anki ħaddem lil Frank Sammut bħala konsulent tiegħu u tal-bord tad-diretturi, li ftit tas-snin wara kien wieħed minn dawk li kienu mixlija fl-iskandlu taż-żejt.