Il-lokalità ta’ Ħal Għaxaq għaddejja minn sensiela ta’ xogħlijiet infrastrutturali min-naħa tal-Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex jissaħħu s-servizzi tad-dawl u l-ilma għal madwar sitt elef resident, b’investiment totali li jiżboq iż-żewġ miljun u erbgħa mitt elf ewro.
L-Enemalta, b’kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta u Transport Malta, għaddejja b’xogħol ta’ rinforzar fis-sistema tad-distribuzzjoni li se tkun mifruxa fuq total ta’ 6.4 kilometri ta’ cables ġodda taħt l-art.
Fil-fatt, dan il-proġett hu parti minn 60 kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art f’21 lokalità madwar Malta u Għawdex.
Matul din is-sena wkoll, f’Ħal Għaxaq, l-Enemalta se tkun qegħda wkoll tikkummissjona żewġ substations ġodda u tkompli taħdem fuq in-network tal-vultaġġ baxx.
Min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, sar investiment biex titjieb l-infrastruttura tad-drenaġġ u tal-ilma tax-xorb, u dan il-proġett hu skedat li jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif issa wasal fl-aħħar stadji tiegħu.
Dan il-proġett għandu l-għan li jiżgura li n-network tal-Korporazzjoni jkun mgħammar bis-sħiħ biex jissodisfa kemm id-domanda attwali kif ukoll dik futura, waqt li jsaħħaħ il-missjoni tal-entità li tipprovdi servizzi effiċjenti lill-komunità.
Is-Sindku ta’ Ħal Għaxaq, Karl Boxall, irringrazzja lill-ħaddiema u lir-residenti tal-paċenzja għal waqt li kienu għaddejjin ix-xogħlijiet.
“Hu xogħol li qed jitgawda mir-residenti Għaxqin, il-popolazzjoni ta’ Ħal Għaxaq qed tikber, allura dan l-investiment hu ta’ importanza kbira fir-raħal tagħna.”
Il-Ministru Dalli elenka kif iż-żewġ entitajiet qed jaħdmu flimkien biex titjieb l-infrastruttura tal-lokalitajiet Maltin u Għawdxin, b’din id-darba, kien imiss lil Ħal Għaxaq.
“Fil-fatt bħalissa, l-Enemalta u l-Water Services Corporation qegħdin jaħdmu anke flimkien biex insaħħu l-infrastruttura ta’ lokalitajiet differenti. U Ħal Għaxaq hu eżempju tipiku ta’ dan, fejn iż-żewġ entitajiet qegħdin jaħdmu flimkien biex hawnhekk ikollna infrastruttura moderna. Allura, min-naħa ta’ Enemalta, għandek xogħol biex insaħħu l-infrastruttura tad-dawl u, min-naħa tal-Water Services Corporation, għandek xogħol għaddej biex ikollna infrastruttura moderna fejn jidħol l-ilma u d-drenaġġ, u dan il-mod hu l-mod li se nkomplu naħdmu bih fix-xhur u s-snin li ġejjin.”