Sliema Wanderers irriżultaw bħala wisq b’saħħithom għal Naxxar Lions meta għelbuhom bl-iskor kbir ta’ 4-0, u dan meta lagħbu għal nofsiegħa sħiħa bi player inqas, f’partita li għall-Blues spikka ferm id-debuttant Ukren Maksyem Prisun, li fil-fatt ġie vvutat bħala l-Player tal-Logħba mill-ġurnalisti preżenti.
Ta’ nota huwa l-fatt li din kienet it-tielet telfa konsekuttiva għal Naxxar fil-Malta Premier u s-sitt waħda infila mingħajr rebħa. Barra minn hekk permezz ta’ din ir-rebħa, il-Wanderers irritornaw għar-rebħ fil-kampjonat wara telfa xejn mistennija ta’ 1-0 kontra Zabbar SP.
Kienu Naxxar li ħarġu fuq l-offenisva u wara biss żewġ minuti Edson Farias Cerqueira kellu x-xutt tiegħu jintemm barra.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fil-11-il minuta iż-żagħżugħ Neil Pace Cocks kellu x- xutt mid-distanza tiegħu ukoll jintemm barra.
Iżda kontra x-xejra tal-logħob kienu Sliema li fetħu l-iskor fil-31 minta meta l-iskorer prolifku Sloven VITO PLUT dar tajjeb fil-kaxxa u venven xutt b’saħħtu li għeleb għal kollox lill-goalkeeper żagħżugħ ta’ Naxxar, Matthias Debono.
Naxxar wieġbu fl-40 minuta permezz ta’ De Souza li kellu x-xutt b’saħħtu tiegħu mid-distanza salvat mingħajr wisq diffikultá mill-goalkeeper tal-Wanderers, Kelvin Emeka Agu.
Sliema rduppjaw l-iskor fid-49 minuta meta l-Ukren MAKSYEM PRISUN permezz ta’ xutt fil-baxx minn ġol-kaxxa ma ħafirx, biex b’hekk skorja l-ewwel goal tiegħu bil-flokk tal-Wanderers, proprju fid-debutt tiegħu.
Mas-siegħa logħob, Sliema qalgħu daqqa ta’ ħarta meta spiċċaw jilagħbu b’għaxar players meta tkeċċa għalihom il-player Geoffrey Edwin Acheampong wara li rċieva żewġ karti sofor fil-partita.
Madankollu, għalkemm bi player inqas Sliema komplew jiddominaw u fil-65 minuta, Mohamed Awad minn azzjoni ta’ freekick sab lil NEIL FRENDO li permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża tefa’ ġewwa.
Sliema issiġillaw ir-rebħa permezz tar-raba’ goal fit-78 minuta meta MYLES BEERMAN b’eleganza temm azzjoni personali billi għadda minn bejn id-difiża Naxxarija qabel ma’ kkonkluda fix-xibka.
Il-Blues komplew jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Philip Farrugia
Player tal-Logħba: Maksyem Prisun (Sliema)