Il-Partit Nazzjonalista, permezz tad-Deputat tiegħu Justin Schembri, ikkonferma li hu kontra ż-żieda fil-prezz għall-permessi ta’ ħaddiema barranin ġodda f’pajjiżna.
Prezz li minn €300 se jitla’ għal €600 biex jiżdied id-deterrent li jinġiebu l-ħaddiema ġodda minn pajjiżi terzi, li mhumiex mill-Unjoni Ewropea.
Ġurnalist: “Onorevoli Schembri, il-Partit Nazzjonalista qed jgħid li hu kontra ż-żieda fil-prezz ta’ permits għal ħaddiema barranin ġodda … tistgħu tgħidulna xi tridu dwar dan?”
Justin Schembri: “Dwar il-mistoqsija naħseb il-PN kien diġà ċar u kategoriku fil-pożizzjoni tiegħu”.
Schembri hu l-istess persuna li, imbagħad, ma jiddejjaqx jiffummenta diskors fuq ħaddiema barranin.
Iż-żieda fil-prezz tal-permessi joħroġ mill-Malta Labour Migration Policy, li bħalissa hemm konsultazzjoni pubblika dwarha u li qed tirrakkomanda li jirdoppja l-prezz għall-permess ta’ ngaġġ ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi.
Ħaġa li l-Partit Nazzjonalista qed jgħid li hu kontra.
Din il-ġimgħa, waqt il-programm ‘Popolin’ fuq ix-xandir nazzjonali, kompla anke t-taħwid tal-Oppożizzjoni dwar din il-politika, bid-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo wkoll jinsisti kontra din il-miżura.
“Illi inti tgħolli b’mod across the board is-€600 bħala registration għal work permit forsi meta inti jkollok jew skills partikolari.”
Ivan Castillo, Deputat Nazzjonalista
Din id-dikjarazzjoni hi kontra l-ħsieb tal-Gvern favur stabbiltà fis-suq tax-xogħol, li jżid il-prezz għall-ingaġġ ta’ ħaddiema ġodda minn barra, iżda jnaqqas il-prezz għat-tiġdid ta’ permessi ta’ ħaddiema eżistenti fis-suq.
Il-Partit Nazzjonalista anke ħareġ kontra l-fatt li l-Gvern waqqaf il-ħruġ ta’ permessi ġodda fis-settur tal-Y plates u l-food couriers, azzjoni li se tfisser tnaqqis ta’ elf ħaddiem barrani fis-sena.