Ir-rata ta’ inflazzjoni matul ix-xahar li għadda niżlet għal 1.8%, tnaqqis ta’ kważi nofs perċentwal (0.4%) fuq xahar qabel.
Fix-xahar tal-Milied li għadda, l-inflazzjoni kienet inqas min-nofs ta’ dak li kienet sena qabel.
Minn 3.7% f’Diċembru 2023 għal 1.8% f’Diċembru 2024.
Dan ikkonfermatu statistika tal-EUROSTAT li turi kif ir-rata tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna hi kważi perċentwal (0.9%) inqas minn dik fl-Unjoni Ewropea.
Malta għandha wkoll fost l-inqas rati ta’ inflazzjoni wara inizjattivi li daħħal il-Gvern bl-iskema Stabbiltà li raħħset prodotti essenzjali tal-ikel u s-sussidju fil-qasam tal-enerġija u l-fjuwils li l-Gvern baqa’ jżomm anki din is-sena.
Sa issa l-Gvern ħareġ sussidju fosthom fl-enerġija li laħħaq it-€820 miljun.
Il-mira tal-Gvern kienet li sa tmiem din is-sena, ir-rata ta’ inflazzjoni tinżel ta’ 2% wara pandemija u gwerer li faqqgħu iżda l-EUROSTAT juri kif tragward tal-Gvern intlaħaq ferm qabel u aktar minn mistenni għax ir-rata ta’ inflazzjoni niżlet taħt it-2%.