Challenge Group, kumpanija fis-settur tal-merkanzija tal-ajru bbażati f’Malta u b’operat mifrux madwar id-dinja, immarkat stadju importanti fl-industrija tal-avjazzjoni bir-reġistrazzjoni tal-ewwel ajruplan tal-merkanzija konvertit Boeing 777-300 fl-Ewropa taħt il-bandiera Maltija u biċ-Ċertifikat ta’ Operatur tal-Ajru 9H.
Dan l-investiment massiċċ ta tliet mija u ħamsin miljun ewro tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet bis-sehem tal-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru tat-Trasport, Infrastruttura u Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Trasport Malta, Kurt Farrugia, u d-Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili, Charles Pace.
Dan l-ajruplan li għadu kif ġie rreġistrat, imlaqqam “Big Twin,” huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fir-Reġjun tal-EASA taħt l-AOC Malti, u dalwaqt se jkun segwit minn erba’ ajruplani addizzjonali matul is-sentejn li ġejjin, biex tkompli tissaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala ċentru strateġiku għat-trasport tal-merkanzija bl-ajru globali.
Dan il-proġett mistenni jiġġenera €1.5 biljun f’termini ta’ negozju.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka kif f’pajjiżna hawn 920 ajruplan irreġistrat. Fil-fatt spjega kif fl-aħħar ħames snin ir-reġistrazzjoni tal-inġenji tal-ajru irduppjaw.
huma membri tal-ekwipaġġ tal-linja tal-ajru Maltija.
Dr Abela saħaq kif iż-żieda ta’ dawn is-sitt ajruplani se tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala hub ideali għall-avjazzjoni. Hawnhekk aċċenna li dan se jikkontribwixxi wkoll għal aktar impjiegi.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Challenge Group, Yossi Shoukroun saħaq li dan jimmarka mument storiku għal Challenge Group u s-settur tal-avjazzjoni f’Malta.
Fil-fatt ġie spjegat li fl-2024 din il-kumpanija kabbret il-flotta tagħha għal aktar minn għaxar ajruplani, inklużi sitt Boeing 747s u erba’ Boeing 767 tal-merkanzija. Mill-1,000 impjegat globalment, 150 huma impjegati f’Malta, b’70% tagħhom huma Maltin. Dan in-numru mistenni jirdoppja għal 300 fit-tliet snin li ġejjin.
Is-sena li għaddiet ġew introdotti ħames destinazzjonijiet ġodda – Mumbai, Delhi, Dubai, Milan u Nairobi.
Mil-lat tal-operat, Challenge Grou għamel 4,000 titjira u ttrasporta 200,000 tunnellata ta’ merkanzija, li kienu jinkludu tagħbijiet ta’ valur għoli u kumplessi bħal 5,000 żiemel, 600 magna tal-ajruplani, u aktar minn 20,000 vjaġġ marbut mal-kummerċ elettroniku.
Il-Kap Eżekuttiv sostna li għall-2025 din il-kumpanija qed tara li tkompli tiffoka fuq it-tkabbir strateġiku fl-operat.