L-awtur direttur David Lynch, magħruf sew għall-produzzjonijiet kbar bħal ‘Twin Peaks’ u ‘Mulholland Drive’, miet fl-età ta’ 78 sena.
Dan tħabbar mill-familja tiegħu permezz ta’ kitba fuq Facebook ilbieraħ il-Ħamis.
Is-sena l-oħra Lynch kien żvela li kellu l-kundizzjoni tal-emphysema, kundizzjoni fil-pulmun li tikkawża qtugħ ta’ nifs, u għalhekk ma kienx se jkun jista’ joħroġ mid-dar aktar sabiex jidderieġi films.
Oriġinarjament studjuż tal-pittura, huwa ħalla l-marka tiegħu fl-industrija tal-films fis-snin sebgħin bis-surreali ‘Eraserhead’. Apparti ‘Mulholland Drive’ u ‘Twin Peaks’ xogħlijiet tiegħu kienu jinkludu d-drama ‘Wild At Heart’ li rebħet il-Palme d’Or fil-Cannes Film Festival u l-film biografiku ‘The Elephant Man’.
Matul ħajtu kien innominat għal Oscar erba’ darbiet fejn eventwalment kien irċieva Oscar onorarju għall-kisba tul ħajtu fl-2019.
L-aħħar proġett kbir tiegħu kien fl-2017, ‘Twin Peaks: The Return’, li kien ikompli fuq is-serje televiżiva ta’ żewġ staġuni popolari fid-disgħinijiet.