Il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għandu stqarrija miktuba li donnu jippubblikaha kull meta jkun irid jgħajjar lill-Gvern.
Iddikjara dan il-Partit Laburista fi stqarrija, fejn qal kif wara li żewġ persuni tressqu l-Qorti f’investigazzjoni li bdiet wara rapporti ta’ Identità u ħidma f’waqtha tal-Pulizija, Darren Carabott ħareġ jgħid li hemm xi skiet mill-Gvern. Dan meta kienu diġà ħarġu stqarrijiet tal-entitajiet relevanti fosthom minn Identità.
Intqal kif kien ikun aħjar li minflok irriċikla l-istqarrijiet Darren Carabott talab apoloġija wara li l-fatti fil-Qorti giddbu dak li hu ilu jirrepeti xhur u ħareġ jgħajjar bih lill-Ministru Byron Camilleri u lill-awtoritajiet. Fuq kollox ibbaża wkoll il-pożizzjoni tiegħu fuq fatti mhux veritieri, biex illum irriżulta fil-Qorti li Identità u l-Pulizija kienu ilhom li aġixxew fuq każi li qabduhom huma u li jmorru lil hinn mill-eluf li vvinta hu.
L-istqarrija temmet tgħid li l-Partit Nazzjonalista reġa’ nħakem mill-estremisti. L-unika proposta hija l-mibgħeda u quddiem l-isfidi vera tal-pajjiż qed ikun il-Partit Laburista li jagħti s-soluzzjonijiet.