Il-Pulizija ressqet il-Qorti żewġ persuni akkużati b’fost oħrajn korruzzjoni, b’ħasil ta’ flus, traffikar uman u li ffalsifikaw ta’ dokuementi tal-identità.
Il-ħames każi huma ferm ‘il bogħod mill-18,000 li kien semma Jason Azzopardi meta l-Pulizija kienet diġà bdiet tinvestiga.
Maria Rita Spiteri ta’ 32 sena u Bernard Attard ta’ 33 sena tressqu l-Qorti separatament u nżammu arrestati.
Fil-Qorti l-Ispetturi mit-Taqsima tal-Immigrazzjoni Christian Abela u Lara Butters spjegaw, li l-Pulizija bdiet tinvestiga kif numru ta’ persuni minn pajjiżi terzi kisbu dokumenti ta’ residenza ffalsifikati. Din l-investigazzjoni bdiet lejn l-aħħar tas-sena 2023 u li dawn l-investigazzjonijiet wasslu għall-arrest ta’ ħames individwi.
Intqal li dawk kollha arrestati lagħbu rwol biex kisbu dokumenti foloz, b’Attard kien responsabbli allegatament milli jiġbor il-flus.
Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest, waqt li wkoll ordnat sabiex ikollhom l-assi ffrizati.
Fil-Qorti, iż-żewġ imputati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Sadanittant, fi stqarrija Identità nnotat b’sodisfazzjon li evidenza preżentata fil-Qorti tikkonferma b’mod definittiv kemm l-Aġenzija kellha raġun.
Intqal li x-xhieda fil-Qorti tiċħad bl-aktar mod ċar allegazzjonijiet infodati u bla bażi li saru fil-konfront ta’ din l-aġenzija, immirati biss biex jagħmlu l-ħsara u jitfgħu dell ikrah fuq l-integrità tal-Aġenzija, l-integrità tal-proċessi u l-impjegati tagħha.
L-aġenzija nnotat b’sodisfazzjon il-passi legali li ttieħdu fil-konfront ta’ żewġ persuni u dan wara investigazzjonijiet interni li nbdew f’Settembru tal-2022 dwar irregolaritajiet fil-proċessi ta’ permessi ta’ residenza lil ċittadini Eġizzjani għaddew għand il-Pulizija.
Intqal li b’kollox b’rabta ma’ dan il-każ tressqu żewġ Maltin u ħames persuni barranin.
Identita spjegat ukoll li f’Lulju tas-sena li għaddiet, hekk kif bdew isiru akkużi fil-konfront tal-Aġenzija, hi ċaħdet dawn l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħha u saħqet li kienet investigazzjoni u rapport tagħha li wasslu għall-arrest u sentenzi fil-Qrati Malti.
Identità ttenni li ma tittollera l-ebda forma ta’ abbuż jew azzjonijiet li b’xi mod jew ieħor itappnu l-integrità tagħha u tibqa’ kommessa li tinvestiga u tieħu kwalunkwe passi neċessarji fil-konfront ta’ kwalunkwe suspett li jinħoloq.
L-aġenzija rringrazzjat lill-Korp tal-Pulizija li flimkien mal-uffiċjali tal-Aġenzija, kienu strumentali għall-arrest u l-proċeduri legali.