Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, flimkien mal-President ta’ Special Olympics Malta, Dr. Lydia Abela, nedew il-programm tal-Ispecial Olympics Malta f’Għawdex.
Din l-inizjattiva se tipprovdi programmi b’opportunitajiet sportivi u inklużivi għal persuni b’diżabilità intellettwali f’Għawdex. Intant, il-programm tal-Ispecial Olympics mhux biss se jipprovdi pjattaforma fejn il-parteċipanti jistgħu juru t-talent tagħhom, iżda wkoll jagħtihom is-sostenn meħtieġ biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.
Il-Ministru Camilleri stqarr li t-tnedija tal-programm tirrifletti l-impenn u l-viżjoni tal-Gvern għall-gżira Għawdxija.
“Din hija opportunità tad-deheb għall-istudenti Għawdxin fejn ukoll se jkun hemm training tal-coaches, jiġu coaches ukoll minn barra mill-gżira sabiex propju dan il-programm ikun jista’ jseħħ. Aktar minn hekk ukoll, hija opportunità li nibdew ukoll fiż-żmien li ġej nużaw faċilitajiet ġodda fjamanti li propju qegħdin nagħmlu hawnhekk ġewwa Għawdex sabiex ikunu jistgħu jintużaw mill-atleti tagħna u minn kulħadd.”
Min-naħa tagħha, mart il-Prim Ministru saħqet li l-estensjoni tal-programmi u s-servizz fil-gżira Għawdxija kienet mira u ħolma li l-organizzazzjoni kellha.
“Hemm kelma waħda li tiddefinixxi dan kollu, dik ta’ opportunitajiet; u llum qegħdin hawnhekk ġewwa l-gżira Għawdxija, propju biex nestendu l-opportunitajiet, biex nagħtu ċ-ċans anke lill-atleti Għawdxin ikunu parti minn Special Olympics Malta.”
Id-Direttur Sportiv fi ħdan Special Olympics Malta, Christabel D’Amato spjegat kif il-programm se jkun qed jespandi għal Għawdex.
“L-ewwel pass huwa li, flimkien ma’ Special Olympics Malta u Special Olympics Europe ħa nkunu qegħdin nittrainjaw u nikkolaboraw flimkien l-edukaturi u dawk in-nies kollha li jkollhom x’jaqsmu ma’ dawn l-atleti b’abilitajiet differenti. It-tieni fażi hija li nibdew nintroduċu l-isports ġewwa l-iskejjel – nibdew b’żewġ dixxipplini, imbagħad it-tielet fażi hija li l-għalliema u dawk kollha li jmissu ma’ dawn l-atleti, jibdew jagħmlu dak li ngħidulu talent identification – jibdew jassessjaw u jaraw f’liema livell l-atleta wasal.”
Matul it-tnedija tkellem ukoll Dr Sean Zammit, il-Head Gozo College Network, fejn qal li dan is-servizz se joffri opportunitajiet ġodda, u se jitkabbar id-dimesjoni tal-kamp edukattiv ma’ dak soċjali għall-istudenti kollha.
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm ukoll għalliem, coaches, LSE’s, u ġenituri.