L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà, l-OHSA, u l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA, komplew jintensifikaw l-ispezzjonijiet tagħhom, b’mod partikolari matul is-sena li għadda kif intemmet, l-2024.
Iċ-ċifri taż-żewġ awtoritajiet għall-istess sena juru l-impenn li ż-żewġ awtoritajiet jaħdmu id f’id biex ikomplu jogħlew l-istandards fuq il-postijiet tax-xogħol u fuq siti ta’ kostruzzjoni.
Matul is-sena li għaddiet b’kollox saru ’l fuq minn 12,750 spezzjoni mill-BCA, li fihom inħarġu 670 multa u 240 ordni biex jitwaqqfu x-xogħlijiet.
Iċ-ċifri juru li meta kkumparat mal-ewwel sena sħiħa mit-twaqqif tal-istess Awtorità, jiġifieri l-2022, fl-2023 il-BCA wettqet 19% aktar spezzjonijiet. Iċ-ċifri juru wkoll li matul is-sena l-oħra, il-BCA wettqet medja ta’ 1,063 spezzjoni fix-xahar.
Intant, matul l-istess sena, l-ispetturi tal-OHSA wettqu madwar 9,400 spezzjoni f’diversi settur ta’ xogħol inklużi f’siti ta’ kostruzzjoni, fejn inħarġu madwar 550 multa, u ġew ordnati 331 ordni biex jitwaqqfu x-xogħlijiet. L-ispetturi tal-OHSA ħarġu wkoll 960 notifika għal titjib fuq il-post tax-xogħol.
Dawn iċ-ċifri juru li bħala medja l-OHSA wettqet madwar 782 spezzjoni fix-xahar.
Dawn l-ispezzjonijiet jikkumplimentaw ukoll is-servizz tal-helpline 138, li ċifri maħruga mill-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni sal-aħħar ta’ Dicembru 2024, urew li kienu daħlu total ta’ 14,474 telefonata, b’medja ta madwar 100 telefonata kuljum fuq medda ta 21 ġimgħa sa minn meta ġie mniedi dan is-servizz għaċ-ċittadini.
Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA Dr Josianne Cutajar saħqet li din hija konferma ta’ kemm b’aktar investiment fir-riżorsi, jistgħu jinkisbu aktar riżultati pożittivi.
Minn naħa tiegħu l-Aġent Kap Eżekuttiv tal-BCA il-Perit Roderick Bonnici esprima s-sodisfazzjon għall-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ awtoritajiet u jħares ’il quddiem biex fiż-żmien li ġej ikunu jistgħu jinfurmaw lill-pubbliku b’aktar ħidma li tinsab għaddejja.