Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, ħabbret li esperti Amerikani fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, se jiġu fostna biex jagħtu taħriġ lill-uffiċjali Maltin, li qegħdin jimplimentaw l-istrateġija nazzjonali u l-pjan ta’ azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin li tniedew is-sena li għaddiet.
Hi ħabbret dan waqt konferenza li mmarkat l-għeluq ta’ programm ta’ koperazzjoni flimkien mal-esperti tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Kummissjoni Ewropea li għenu fir-riċerka u t-tfassil tal-istrateġija nazzjonali u l-pjan ta’ azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin.
Buttigieg innotat li t-tħaddim tal-istrateġija diġà beda jagħti riżultati f’każi li ġew investigati mill-Pulizija.
Is-Segretarju Parlamentari saħqet li l-politika tal-Gvern hi ffokata fuq il-ġlieda kontra ċ-ċrieki ta’ kriminalità organizzata u l-protezzjoni u l-għajnuna lill-vittmi.