Il-President Onorarju tal-għaqda Repubblika, Robert Aquilina, infexx f’attakk aħrax kontra l-Maġistrat Nadine Sant Lia wara li din ordnat investigazzjoni dwaru, għax kien hemm leakage illegali b’rabta ma’ inkjesta.
Il-każ kien dwar rikors li ressaq ħu d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina fil-Qorti kontra l-Kummissarju tal-Pulizija, għax skont l-istess Nutar Aquilina dan ma ressaqx persuni li kienu jaħdmu fil-Bank Pilatus wara inkjesta marbuta ma’ ħasil ta’ flus.
Fis-sentenza, il-Maġistrat iddikjarat li kien hemm leakages illegali li jtappnu l-proċess tal-inkjesta, li l-Pulizija mxiet kif suppost mal-ordnijiet tal-Qorti Inkwirenti u l-Avukat Ġenerali u li Robert Aquilina bbaża ħafna mix-xhieda tiegħu fuq xniegħat u ma riedx isemmi nies li tawh informazzjoni b’mod illegali.
Għalhekk, il-Maġistrat ordnat investigazzjoni dwaru u, sigħat wara, Robert Aquilina kien quddiem id-Depot fil-Furjana, flimkien ma’ Jason Azzopardi, jattakka lill-Maġistrat u l-istituzzjonijiet, fosthom lill-Kummissarju tal-Pulizija.
Hu sejjaħ dak li għamlet il-Maġistrat Nadine Sant Lia bħala perverżjoni tal-ġustizzja, dan għax spjega kif hu ma jaqbilx ma’ dak li qalet il-Qorti f’dan il-każ.
“Is-sentenza mogħtija mill-Maġistrat Lia, jumejn ilu u li ġiet fil-pussess tagħna, b’kopja tagħha lbieraħ hi perverżjoni tal-ġustizzja.”
Din mhux l-ewwel darba li ta’ Repubblika, flimkien mal-Partit Nazzjonalista, attakkaw lill-istituzzjonijiet fejn ma jaqblux magħhom, iżda mbagħad jirrimarkaw biex ħadd ma jattakkahom meta d-deċiżjoni tkun iddoqq għal widnejhom.
Fil-fatt, barra d-Depot, Robert Aquilina qal li qed igiddeb dak li ddikjarat il-Maġistrat Nadine Sant Lia.
“U qalet ukoll li dak li jiena xehedt u dak li jiena ppreżentajt f’isem Repubblika f’dik il-kawża huma xniegħat, huma detto del detto, huma affarijiet li ħaddieħor qalli. Dan mhuwiex minnu.”
Aquilina anke pprova jiddieħak meta għednilu li, fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Lia semmiet il-kelma “hearsay”, jiġifieri għajdut.
ROBERT AQUILINA: “X’qalet f’paġna 19?
ĠURNALIST: “Qalet dwar il-hearsay, f’paġna 19 tkellmet dwar il-hearsay.”
B’ton iebes, Aquilina qal li meta jrid jiġi għalih il-Kummissarju tal-Pulizija, imma ordnalu x’għandu jagħmel qabel.
Dan f’diskors iebes li fih kompla jattakka lill-istituzzjonijiet.
“Ibda minn dik l-ordni, imbagħad, meta jrid jibgħat għalija.”
Imbagħad kompla jgħid li l-Kummissarju jista’ jibgħat għalih kemm irid, iżda mhu se jgħaddielu l-ebda informazzjoni.
“Meta jrid jista’ għalija. Jibgħat għalija, kemm irid għaliex mingħandi mhux se jkun jaf assolutament xejn. Mingħandi mhu se jikseb l-ebda informazzjoni.”
Sadanittant, fil-Qorti, ġie spjegat ukoll kif Robert Aquilina kellu f’idejh informazzjoni li mhux suppost kienet għandu u l-Maġistrat innotat li kien hemm leaks, fosthom mid-Dipartiment għall-Investigazzjoni dwar il-Kriminalità Finanzjarja, l-FCID, fejn kien jaħdem l-eks Supretendent Frank Anthony Tabone, li llum hu kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq it-Tlettax-il Distrett u magħruf kemm hu qrib ħafna ta’ Jason Azzopardi.
Aqra wkoll: