Il-midja internazzjonali qed tirrapporta kif 71 Palestinjan inqatel fl-attakk Iżraeljan mill-ajru fuq Gaza, dan minkejja li lbieraħ filgħaxija tħabbar li ntlaħaq ftehim bejn iż-żewġ naħa għal waqfien mill-ġlied.
19 minn dawn huma tfal u 24 mara.
Dwar dan l-attakk il-Gvern Iżraeljan għadu ma kkumentax.
Sadanittant, il-vot li kellu jittieħed mill-kabinet Iżraeljan dwar dan il-ftehim issa kien ukoll pospost bl-uffiċċju tal-Prim Ministru Iżraeljan jakkuża lill-Hamas li reġa’ lura minn dak maqbul u konsegwentament ikkrea kriżi fl-aħħar minuta. Iżda l-grupp militanti tal-Hamas innega dawn l-allegazzjonijiet fejn sostnew li huma komessi li dan jidħol fis-seħħ.
Sabiex dan il-ftehim jidħol fis-seħħ irid l-ewwel jiġi approvat mill-ħdax-il membru tas-sigurtà fil-kabinet u li huma l-ogħla awtorità fid-deċiżjonijiet li jittieħdu minn Iżrael u wara jittieħed vot mill-34 ministru li jifformaw il-kabinet. Għalkemm il-vot mistenni li jgħaddi però il-Prim Ministru Benjamin Netanyahu qed isostni li l-kabinet ma kienx se jiltaqa’ sakemm il-medjaturi, li huma l-Qatar u l-Istati Uniti, jikkonfermaw li l-Hamas kienu aċċettaw il-ftehim fl-intier tiegħu.
Dan id-dewmien fil-vot qed jikkawża anzjetà fost l-Iżraeljani u l-Palestinjani hekk kif dawn in-negozjati ilhom għaddejin xhur sħaħ u qed issir ħafna pressjoni kemm fuq Iżrael kif ukoll fuq il-Hamas sabiex jiġi attwat issa, speċjalment minn Donald Trump li jrid jibda il-Presidenza tiegħu nhar it-Tnejn b’suċċess kbir fil-politika internazzjonali.
Sadanittant trakkijiet li qed iġorru għajnuna kruċjali għal Gaza diġa jinsabu skjerati fin-Nofsinhar tat-territorju bħala parti mill-ftehim. L-aġenzija tar-refuġjati tal-Ġnus Magħquda fil-Palestina qalet li 600 trakk bi provisti se jkunu qed jitħallew jidħlu f’Gaza kuljum, għalkemm mhux se jkunu qed jinkludu biss għajnuna umanitarja.