Illum il-Ħamis, il-Prim Ministru Ingliż Keir Starmer jinsab fil-belt kapitali tal-Ukrajna Kyiv sabiex flimkien mal-President Volodymyr Zelensky jiffirma dak li qed jissejjaħ it-trattat ta’ mitt sena sħubija.
B’wegħda ta’ għajnuna li tiggarantixxi s-sigurtà fl-Ukrajna għal seklu sħiħ, it-trattat ikopri diversi oqsma fosthom id-difiża, xjenza, enerġija u kummerċ.
Din iż-żjara mhux mistennija ta’ Starmer, hija l-ewwel waħda tiegħu fl-Ukrajna minn mindu laħaq Prim Ministru f’Lulju li għadda għalkemm ma’ Zelensky darbtejn kellu taħdidiet f’Londra.
Ir-Renju Unit huwa wieħed mill-akbar sostenituri militari tal-Ukrajna hekk kif wiegħed £12.8 biljun f’assistenza militari u umanitarja lill-Ukrajna minn mindu bdiet l-invażjoni tar-Russja tliet snin ilu. Barra minn hekk 50,000 suldat Ukren kienu mħarrġa fir-Renju Unit. Qed ikun mistenni li Starmer iħabbar £40 miljun oħra għall-irkupru ekonomiku tal-Ukrajna wara l-gwerra.
Iżda din l-għajnuna mhi xejn ħdejn dik mogħtija mill-Istati Uniti għalkemm hemm dubji kbar dwar kemm se jkun is-sostenn Amerikan hekk kif Trump jieħu l-ġurament tal-ħatra nhar it-Tnejn li ġej.