Malta tibqa’ reżiljenti favur il-paċi, l-prosperità u l-progress.
Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela fil-Berġa ta’ Kastilja, hekk kif laqa’ lill-membri akkreditati tal-Korp Diplomatiku Malti għal-laqgħa annwali tal-bdil tal-awguri għas-sena l-ġdida.
Hawnhekk hu tkellem dwar id-diversi konflitti li qed jiddominaw fid-dinja partikolarment il-gwerra fl-Ukrajna, is-sitwazzjoni f’Gaza, u t-theddida ta’ instabbiltà fil-Lvant Nofsani.
Il-Prim Ministru tenna li minkejja dawn l-isfidi globali, Malta, flimkien ma’ ħafna msieħba madwar id-dinja, qed taħdem lejn sistema internazzjonali effettiva, li trid trawwem id-djalogu, tissaħħaħ il-kooperazzjoni globali u tappoġġja l-paċi.
Fil-fatt semma l-impenn ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Maqgħuda kif ukoll fl-OSCE.
Dr Abela tenna li pajjiżna ma baqax sieket fi sfond tal-gwerer madwarna hekk kif mill-bidu tal-kunflitt attwali f’Gaza, Malta kienet ċara dwar il-ħtieġa ta’ waqfien mill-ġlied permanenti immedjat u għall-ħelsien immedjat u bla kundizzjonijiet tal-ostaġġi kollha.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja u tenna li l-aħħar żviluppi juru li tama ta’ futur aħjar għas-Sirjani.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru tenna li Malta qed tistenna bil-ħerqa biex tassumi l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa minn Mejju sa Novembru li ġej. Huwa aċċenna li l-prijoritajiet ta’ Malta se jirriflettu t-tħassib ta’ pajjiżna favur il-protezzjoni tat-tfal, iż-żgħażagħ, id-demokrazija u l-istat tad-dritt.
B’rabta mal-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru fakkar kif is-sena li gaħddiet Malta ċċelebrat tal-Unjon l-għoxrin anniversarju mis-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea. Hawnhekk irrimarka kif dan kien pass ta’ riflessjoni dwar l-isfidi u l-opportunitajiet li għandna quddiemna.
Il-Prim Ministru temm jgħid li l-ħidma li se tkompli matul din is-sena se ssarraf għall-viżjoni li għandu dsn il-gvern sal-2050, li se tibni Malta aktar b’saħħitha u inklussiva għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.
Sadanittant in-Nunzju Appostoliku Savio Hon Tai-Fai, li huwa wkoll id‑Dekan tal‑Korp Diplomatiku akkreditat għar‑Repubblika ta’ Malta, sostna li dan il-Gvern ikun minn tal-ewwel li joħroġ bis-soluzzjonijiet għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin bħal pereżempju fis-sussidji għall-għoli tal-ħajja, sussidji l-enerġija, iż-żieda fiċ-children’s allowance u ħafna iktar.