Fl-ewwel disa’ xhur tas-sena l-oħra, il-Gvern kellu defiċit ta’ €49 miljun biss. Minn analiżi taċ-ċifri tal-aħħar snin, jirriżulta li dan hu l-aqwa riżultat finanzjarju mill-2018 ’il hawn. Filfatt fl-istorja kien biss fl-2017 u l-2018 li ġew osservati riżultati aqwa minn dawk tal-ewwel disa’ xhur tal-2024.
Imqabbel mal-ewwel disa’ xhur tal-2012 meta l-Gvern Nazzjonalista kellu defiċit ta’ kważi €200 miljun, ifisser li llum dan tnaqqas b’erba’ darbiet.
L-agħar riżultat finanzjarju għal dan il-perjodu kien ġie rreġistrat fl-2003, meta l-Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien kellu defiċit ta’ aktar minn €250 miljun jew ħames darbiet aktar minn dak tas-sena li għaddiet.
Is-sena li għaddiet il-Gvern irnexxielu jirreġistra dħul li kien akbar mill-ħruġ kemm fit-tieni kif ukoll fit-tielet kwart tas-sena. Din ukoll kienet l-ewwel darba wara l-pandemija li seħħ dan. Ir-raġuni wara dan l-iżvilupp kienet iż-żieda bla preċedent fid-dħul tal-Gvern.
F’disa’ xhur dan laħħaq il-€5.7 biljun.
Fl-aħħar sena sħiħa ta’ Gvern Nazzjonalista dan kien idaħħal €2.9 biljun fuq 12-il xahar u mhux disgħa kif jirreferu l-aħħar ċifri għas-sena l-oħra.
Dan ifisser li bi tliet xhur inqas id-dħul tal-Gvern Laburista taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela rdoppja minn dak ta’ żmien GonziPN. Dan anke jekk il-piż tat-taxxi tnaqqas b’mod konsistenti mill-2013 ’il hawn u anke tqassam l-akbar ammont ta’ benefiċċji fl-istorja.
Imma fl-istess ħin l-ekonomija Maltija splodiet ’il fuq u dan wassal biex il-Gvern dejjem jiġbor aktar u aktar dħul.
Dan ippermetta lill-Gvern biex iżid b’mod qawwi l-ispiża, filwaqt li xorta s-sitwazzjoni finanzjarja titjieb. Tant li filwaqt li, bejn Jannar u Settembru tal-2024, il-Gvern nefaq rekord ta’ €5.7 biljun, jew aktar minn nofs biljun ewro aktar mis-sena ta’ qabel, id-defiċit xorta waħda tnaqqas b’mod sinifikanti.
Aktar min-nofs iż-żieda fl-ispiża tal-Gvern kienet dovuta għal titjib fil-pagi tal-ħaddiema u fil-benefiċċji soċjali. Imbagħad kien hemm żieda fil-proġetti kapitali kif ukoll fuq spiża fuq mediċini.
It-titjib fil-finanzi pubbliċi joħroġ aktar ċar meta wieħed jara li d-dejn nazzjonali issa naqas għal 45.3% tal-ġid nazzjonali. Fl-istess żmien, sena qabel, il-piż tad-dejn kien jaqbeż is-47%.
Biex wieħed perjodu taħt il-Gvernijiet Nazzjonalisti fejn il-piż tad-dejn nazzjonali kien daqstant baxx trid imur lura għall-1995 jew 30 sena ilu.
Dan jikkonferma kemm hu tassew fieragħ il-kliem tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista meta tgħid li d-dejn nazzjonali ħarab minn taħt il-kontroll tal-Gvern.
F’Marzu tal-2013, meta nbidel il-Gvern, il-piż tad-dejn nazzjonali kien darba u nofs dak li hu bħalissa.