Għall-ewwel darba fil-Presidenza tagħha, l-Eċċellenza tagħha Myriam Spiteri Debono laqqgħet fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta lill-korp diplomatiku, fl-okkażjoni tas-sena l-ġdida, fejn qasmet xi riflessjonijiet fuq l-istat attwali tal-politika globali.
Fl-indirizz tagħha, il-President tkellmet dwar il-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja u sostniet li sfortunatament eluf ta’ persuni qed ibagħtu kuljum.
Il-President saħqet dwar id-diversi tragwardi u suċċessi li kiseb pajjiżna fosthom sittin sena mill-Indipendenza u ħamsin sena minn meta Malta saret Repubblika.
F’dan il-messaġġ annwali, il-President Spiteri Debono tkellmet dwar in-newtralita li jħaddan pajjiżna u hawnekk faħħret ukoll lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ u t-Turiżmu Ian Borg, tax-xogħol siewi li qed jagħmel f’isem Malta fix-xena globali, inkluż fit-tmexxija tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjonifl-Ewropa, l-OSCE.
Fl-aħħar nett, il-President temmet id-diskors tagħha billi saħqet li matul il-Presidenza tagħha se tkun qed tkompli taħdem mal-Korpi Diplomatiċi għal iżjed paċi u l-umanita.
Tkellem ukoll in-Nunzju Appostoliku Savio Hon Tai-Fai, li huwa wkoll id‑Dekan tal‑Korp Diplomatiku akkreditat għar‑Repubblika ta’ Malta, li fil-kemltejn tiegħu rringrazzja lill-President tax-xogħol siewi li qed tagħmel matul il-Presidenza tagħha.