Iż-żmien medju ta’ stennija għal appuntament fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex hu ta’ madwar 40 jum. Dan ħabbru l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela meta fil-Parlament wieġeb għal mistoqsijiet tad-Deputat Chris Said.
Dwar il-miżuri li qed jittieħdu biex jonqos il-ħin ta’ stennija fl-istess Dipartiment, il-Ministru Abela tenna li qed jittieħdu diversi, inkluż biex jitkabbar l-ispazju allokat fl-Isptar ħalli jiżdied l-għadd ta’ kliniċi fejn il-konsulenti jkunu jistgħu jinvistaw aktar pazjenti fl-istess ħin.
Minbarra hekk, qal li l-Gvern se jżid in-numru ta’ konsulenti li jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-ispettru wiesa’ tal-kura tas-saħħa u, b’hekk, jiżdiedu l-appuntamenti u jonqos il-ħin ta’ stennija fid-Dipartiment.
Ta’ min ifakkar li s-sena li għaddiet tħabbar pjan importanti għall-iżvilupp u r-riġenerazzjoni tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex, li se jkollu 400 sodda jew id-doppju ta’ dak li jesa’ llum, waqt li wkoll saru investimenti bla preċedent, inkluż fl-ewwel magna tal-MRI u CT Scanner ieħor innovattiv, li jaħdem bl-intelliġenza artifiċjali.
Tali investiment ġie nnotat mill-Prim inistru Robert Abela fi żjara ta’ ġurnata li għamel fil-gżira Għawdxija l-ġimgħa l-oħra.