Il-Ministru tal-Enerġija tal-Ukrajna qal li l-Erbgħa r-Russja għamlet attakk massiv ieħor mill-ajru bil-missili fuq l-infrastruttura tal-enerġija tal-pajjiż u għalhekk kellhom jintroduċu qtugħ ta’ dawl preventiv.
B’kitba fuq Facebook, Herman Halushchenko qal li l-għadu qed ikompli jitterrorizza lill-Ukreni u ħeġġeġ lir-residenti biex jibqgħu fix-xelters filwaqt li jsegwu l-avviżi uffiċjali.
Il-kumpanija tal-enerġija tal-istat Ukrenergo rrappurtat qtugħ ta’ dawl ta’ emerġenza f’diversi reġjuni.
Is-sindku tal-belt fir-reġjun tal-punent Lviv, Andrii Sadovyi qal li t-truppi Russi tefgħu missili fuq l-infrastruttura tal-enerġija iżda ma kienx hemm rapporti ta’ mwiet jew danni.
Dan l-attakk kompla jaggrava il-piż fuq l-infrastruttura tal-enerġija tal-Ukrajna, li kienet mira frekwenti matul il-gwerra li ilha għaddejja kważi tliet snin.