Gvern Laburista għandu pjan ċar ta’ kif imexxi l-pajjiż ’il quddiem u jindirizza realtajiet ġodda b’soluzzjonijiet u b’azzjoni konkreta. Eżempju ċar hu l-immaniġġjar tas-suq tax-xogħol u s-sitwazzjoni tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi.
Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, fejn ġiet spjegata fid-dettall il-Malta Labour Migration Policy u r-rispons pożittiv li kien hemm dwarha mill-imsieħba soċjali, fosthom f’laqgħa li kellu mal-Kamra tal-Kummerċ.
Hawn il-Ministru Camilleri sema’ kif din laqgħet b’mod pożittiv il-proċess, filwaqt li ressqet suġġerimenti dwar kif tista’ titjieb din il-politika.
Sadanittant, saret laqgħa wkoll relatata bejn il-General Workers’ Union u l-Association for Outsourcing and Temping Agencies, fejn qablu dwar il-ħtieġa li jkun hawn miżuri u inforzar kontra l-isfruttament tal-ħaddiema u l-ħtieġa ta’ aktar prattiċi regolati li jsarrfu f’xogħol ta’ kwalità.
Waqt il-konferenza mill-Partit Laburista, il-Ministru Camilleri sostna li, flok kien popolist, il-Gvern fehem il-ħtiġijiet tal-pajjiż u skont l-ideal tal-Partit li jħares l-interessi tal-ħaddiema.
Dr Camilleri stieden lil kull min irid jiddjaloga mal-Gvern biex jersaq bl-ideat tiegħu u jieħu sehem fil-konsultazzjoni pubblika.
“L-istedina hija ċara. Iddjalogaw magħna, issieħbu fil-konsultazzjoni pubblika li hemm. Hemm diversi persuni li qed jersqu ’l quddiem, iressqu l-kummenti tagħhom. Irċivejna ħafna kummenti interessanti u nixtiequ li l-poplu Malti u Għawdxi u dawk kollha interessati f’dan is-settur jersqu ’l quddiem u anke jagħtuna l-ħsibijiet tagħhom.”
Il-Ministru Byron Camilleri
Sadanittant, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qal li l-Partit Laburista fil-Gvern jivvalorizza l-ħidma u l-impenn tal-imsieħba soċjali, għax jagħti widen lid-djalogu soċjali li qed iħalli riżultati mixtieqa biex jiġu indirizzati sfidi u realtajiet ġodda li qed jgħaddi minnhom pajjiżna.
Tkellem ukoll dwar ir-regoli li daħlu fis-seħħ għall-aġenziji tal-impjieg, magħrufin bħala temping agencies.
“Riforma li, mhux fl-opinjoni tiegħi biss, imma l-opinjoni tas-settur kollu, kienet waħda mill-akbar riformi li qatt saru f’pajjiżna fejn tidħol il-liġi industrijali. Liġi li biha rajna li jkollna viżibilità kemm iġibu ħaddiema barranin fil-pajjiż, minn fejn iġibuhom u f’liema settur ikunu qegħdin jaħdmu.”
Segretarju Parlamentari, Andy Ellul