Nhar id-19 ta’ Diċembru li għadda fil-bini tal-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard, li issa jinsab fl-Istazzjon tat-Tram irrinovat f’Attard, ġew iffirmati u mġeddin tmin kuntratti ġodda ta’ ftehim ta’ ko-operazzjoni mis-Sindki u s-Segretarji Eżekuttivi rispettivi.
Fil-bidu taċ-ċerimonja, il-Librarja Nazzjonali u Kap Eżekuttiv tal-Libreriji ta’ Malta, Cheryl Falzon, spjegat ir-raġuni wara l-iffirmar tal-ftehim li kien qed jitmexxa minn studju kontinwu dwar is-sitwazzjoni attwali fil-Libreriji Reġjonali u tal-Fergħa b’referenza speċjali għall-kwalità tal-infrastruttura u s-servizzi li qed jingħataw biex jirriflettu l-istandards attwali tal-libreriji fix-xenarju lokali li jinkorpora l-aspetti diġitali. Hija qalet li kull rapport dwar kull librerija mbagħad jiġi diskuss mall-Kunsill Lokali kkonċernat biex tiġi ppjanata t-triq ’il quddiem. Hija semmiet ukoll li minbarra l-LibbyApp attwali, li tippermetti lill-klijenti jniżżlu materjal diġitali biex jaqraw, qed tinbena mill-ġdid l-Overdrive App, biex ikun fiha l-qari diġitali ta’ pubblikazzjonijiet Maltin.
Falzon semmiet ukoll li qed issir ħidma ġdida biex titwaqqaf kollezzjoni tal-Melitensia li tinkludi pubblikazzjonijiet u dokumenti oħra fil-libreriji kollha dwar il-belt jew il-villaġġ fejn tinsab il-librerija. Dan qed isir biex jikber l-għarfien u toħroġ ir-rikkezza tal-wirt li jinsab f’kull post partikolari f’Malta u Għawdex, fejn jiġu ppreżentati fil-libreriji.
Fl-aħħar kien hemm messaġġ qasir mill-President tar-Reġjun tat-Tramuntana, Clifford Galea Vella, fejn stieden lil dawk kollha preżenti biex jieħdu vantaġġ u jibbenefikaw mill-fondi disponibbli mir-Reġjun li jammontaw għal madwar €2,500 għal-libreriji fil-lokalità tagħhom. Huwa qal li dawn il-fondi jistgħu jintużaw għax-xiri ta’ pubblikazzjonijiet ġodda jew kwalunkwe rinnovazzjoni li jeħtieġ li titwettaq fil-libreriji rispettivi.
Fi tmiem iċ-ċerimonja, sar l-iffirmar innifsu fejn is-Sindki u s-Segretarji Eżekuttivi ta’ Ħ’Attard, l-Mellieħa, l-Imġarr (Malta), il-Mosta, l-Imtarfa, in-Naxxar, San Pawl il-Baħar u San Ġwann; iffirmaw il-ftehim li mbagħad ġie approvat minn Clifford Galea Vella bħala l-President, Bjorn Bonello bħala s-Segretarju Eżekuttiv tar-Reġjun tat-Tramuntana, Cheryl Falzon bħala l-Librarja Nazzjonali u Kap Eżekuttiv tal-Libreriji ta’ Malta, flimkien ma’ Doreen Borg Zammit, Viċi Librarja. Dan kollu qed jara li jikkonkludi l-ewwel fażi ta’ ftehimiet mall-Kunsilli Lokali li jinsabu fir-Reġjun tat-Tramuntana, dawn ikunu l-ewwel grupp.