Fi stqarrija, il-Korp tal-Pulizija qalu li kommessi li jkomplu b’kontrolli tat-traffiku regolari bil-għan li tiġi mħarsa s-sigurtà ta’ dawk kollha li jużaw it-toroq tagħna. Fi żminijiet ta’ festi u matul l-ewwel ġimagħtejn tas-sena, mijiet ta’ vetturi ġew imwaqqfa u komplew jinħarġu diversi taħrikiet relatati ma’ ksur tar-regoli tat-traffiku.
Semmew kif b’mod partikolari, 84 vettura ġew immultati għal sewqan b’veloċità eċċessiva fl-ewwel ġimagħtejn ta’ Jannar, f’diversi toroq fejn saru l-ispezzjonijiet mill-Pulizija.
Qalu li dan l-eżerċizzju qed isir mhux biss biex jiġu infurzati r-regoli tat-traffiku, iżda wkoll biex titjieb is-sigurtà fit-toroq, partikolarment fiż-żoni magħrufa għal veloċitajiet għoljin li jistgħu jpoġġu l-ħajja tan-nies fil-periklu.
Il-Pulizija fakkret lis-sewwieqa dwar l-importanza tal-osservanza tal-limiti tal-veloċità u tar-regolamenti kollha tat-traffiku, għaliex in-nuqqas ta’ konformità jista’ jkollu konsegwenzi serji, kemm għalihom infushom kif ukoll għal nies oħra tat-triq.
Tennew kif il-Korp tal-Pulizija jibqa’ impenjat biex ikompli jaħdem favur toroq aktar siguri u jappella għall-kooperazzjoni taċ-ċittadini f’dan ir-rigward.