Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, ħabbret skema bl-ammont ta’ €270,000, li minnha se jgawdu għaxar kunsilli lokali madwar Malta u Għawdex.
Dan il-finanzjament se jgħin biex dawn il-lokalitajiet jiġu mgħejjuna mill-Gvern iwettqu xogħlijiet ta’ manutenzjoni u proġetti infrastrutturali maġġuri.
Il-proġetti magħżulin ivarjaw minn manutenzjoni u sostenn ta’ ġonna, żoni miftuħa għal attività fiżika, tħawwil ta’ siġar, installazzjoni ta’ fanali tat-toroq u manutenzjoni ta’ binjiet pubbliċi, fost oħrajn.
F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari qalet li din l-għajnuna finanzjarja hi prova oħra ċara ta’ kemm il-Gvern hu kommess li jkompli jgħin lill-komunitajiet permezz ta’ proġetti li jitgawdew minn kulħadd.
“Permezz ta’ din l-iskema se nkunu qegħdin ngħinu lill-għaxar kunsilli lokali jagħmlu l-proġetti tagħhom aktar sostenibbli u jinżammu f’qagħda aktar sabiħa u nadifa. Għaldaqstant, permezz tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, madwar €270,000 ikunu qegħdin jinqasmu ma’ dawn l-għaxar kunsilli Lokali biex ikunu r-residenti li jgawdu minn proġetti sbieħ fil-lokalitajiet tagħna.”
ALISON ZERAFA CIVELLI
Il-lokalitajiet li bbenefikaw minn din l-iskema huma dawk ta’ Bormla, Ħal Qormi, Birżebbuġa, il-Gudja, il-Ħamrun, Santa Luċija, Santa Venera, is-Siġġiewi, l-Imqabba u ż-Żebbuġ, Għawdex.