Din il-paġna tista’ tikkonferma li fis-sigħat li ġejjin il-Malta Football Association ser tkun qed taħtar lill-kowċ Emilio De Leo fit-tmun tat-tim nazzjonali Malti sabiex jieħu post Davide Mazzotta li kien il-kowċ interim ta’ Malta fl-aħħar partiti ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Nations League.
Emilio De Leo, li għandu 46 sena, għandu CV interessati ħafna fejn ħadem fl-ogħla livell tal-futbol mondjali. Huwa beda jaħdem fis-settur tal-coaching mat-tim taż-żgħażagħ ta’ Aquilotto Cavese, fejn dam f’dan ir-rwol bejn Lulju 2004 u Ġunju 2008.
F’Lulju 2008, Emilio De Leo kompla fil-qasam taż-żgħażagħ ma’ ASG Nocerina, fejn dam sa l-2010.
Fl-2012, il-kowċ minn Napli, beda avventura mat-tim nazzjonali tas-Serbja, fejn serva bħala assistent tal-kowċ Siniša Mihajlović. Huwa serva f’dan ir-rwol għal total ta’ 18-il partita. F’dan il-perjodu, is-Serbja kienet temmet fit-tielet post ta’ Grupp A ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2014 li saret fil-Ġermanja.
Wara din l-esperjenza, De Leo beda avventura oħra mal-mibki Siniša Mihajlović, fejn din id-darba kellu lir-rwol ta’ kowċ tekniku mat-tim ta’ Sampdoria.
Din l-esperjenza bdiet f’Novembru 2013 u ġiet fit-tmiema f’Ġunju 2015 fejn minn total ta’ 68 partita, Sampdoria kisbu 26 rebħa, 23 draw u 19-il telfa. Fl-istaġun 2013/2014, taħt it-tmexxija ta’ Mihajlović, Sampdoria kienu temmew il-Kampjonat fit-tnax-il post, filwaqt li fl-istaġun ta’ wara spiċċaw fis-7 post.
Matul l-istaġun 2015 / 2016, Siniša Mihajlović u Emilio De Leo reġgħu ħadmu flimkien mat-tim ta’ AC Milan, fejn hawnhekk ukoll De Leo kellu r-rwol ta’ kowċ tekniku. Huma mexxew lil Milan għal total ta’ 38 partita, li minnhom kisbu 19-il rebħa, 10 draws u 9 telfiet. Ta’ nota wkoll li, sa qabel tneħħew mir-rwol tagħhom, huma kienu waslu lil Milan sal-finali tal-Coppa Italia, li sussegwentement Milan tilfu kontra Juventus fl-aħħar parti tal-istaġun.
F’Lulju 2016, Mihajlović u De Leo bdew avventura mat-tim ta’ Torino, avventura li waslet sa Jannar 2018. F’dan il-perjodu, Torino spiċċaw fid-9 post fl-istaġun 2016/2017, filwaqt li sa nofs l-istaġun ta’ wara kienu jinsabu f’nofs il-klassifika.
L-aktar avventura riċenti għal kowċ il-ġdid tat-tim nazzjonali Malti, Emilio De Leo, kienet ma’ Bologna bejn Jannar 2019 u Settembru 2022, fejn hawnhekk ukoll ħadem mill-qrib ħafna ma’ Siniša Mihajlović fl-aħħar avventura tagħhom flimkien. Matul il-ħidma tagħhom ma’ Bologna, irnexxilhom jtemmu darbtejn fit-tnax-il post, fl-istaġuni 2019/2020 u 2020/2021.
Ritratt: 1000cuorirossoblu