L-eks Ministru ta’ żmien GonziPN u l-Avukat tal-Għaqda Repubblika, Jason Azzopardi, li fl-aħħar elezzjoni ġenerali ma nġabarx, il-ġimgħa l-oħra kompla jġib aktar kaos u diżgwid fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
F’Lulju li għadda, l-eks Deputat tal-‘Blue Heroes’, mar fuq Facebook, u kif jagħmel ta’ kuljum, qabad ma’ xi ħadd mill-Gvern Laburista u nfexx f’allegazzjonijiet u kalunji.
Dakinhar, Jason Azzopardi infexx f’allegazzjonijiet fil-konfront tas-Segretarju tal-Kabinett, Ryan Spagnol li min-naħa tiegħu fetaħlu libell.
Azzopardi rrisponda għal-libell li fetaħlu Spagnol bil-kliem “Bravu. Prosit. Merħba.” biex, imbagħad, qallu “Għadek kemm ftaħt il-kaxxa ta’ Pandora. Niltaqgħu.”
Il-ġimgħa l-oħra, l-eks Deputat Nazzjonalista bela’ kliemu u ammetta li kien gideb fil-konfront ta’ Spagnol tant li fil-Qorti rtira l-allegazzjonijiet li kien għamel dwaru u talbu apoloġija.
Azzopardi hawnhekk qal kif ma kellu l-ebda intenzjoni li jagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ Spagnol u bi żball ħawwad lil Spagnol ma’ xi ħadd “b’isem simili”.
ONE News infurmat illi wara dan l-episodju, kien hemm diżgwid qawwi fil-qalba tal-Partit Nazzjonalista b’nies viċin ħafna tal-eks kap Nazzjonalista Adrian Delia jgħidu lit-tmexxija nazzjonalista, li llum għandha bħala perċimes tagħha lil Karol Aquilina, u b’Bernard Grech joqgħod għal kull ma jgħidlu, li jekk il-PN mhux se jiddisassoċja ruħu minn Jason Azzopardi se jkompli jgerrex lin-nies mill-Partit Nazzjonalista.
Jirriżulta li ntqal kliem bħal; ‘Jason giddieb, jgħaġġel u jispara fuq in-nies bl-addocċċ’; “Biex jgħatti xturu, Jason, li jigdeb ma kull nifs li jieħu, qed juża strateġija ta’ attakk fil-konfront ta’ esponenti tal-Gvern anke jekk wara jirrizulta li kien qed jigdeb, bħala ma ġara fil-każ ta’ Ryan Spagnol”.
Oħrajn qalu lit-tmexxija tal-PN illi “Jason qed ikompli jesponi lill-PN bħala l-partit tal-mibgħeda u l-vendikazzjoni, u li dan qed ikompli jgerrex lin-nies mill-PN”.
Ta’ min ifakkar illi l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, li spiċċa tqaċċat minn Kap meta Jason, u ċorma Deputati Nazzjonalisti, sfiduċjawh, kien iddeskriva lil Azzopardi bħala ‘Giddieb’.
Madankollu, ONE News infurmat illi minkejja t-twissijiet li ngħatat, it-tmexxija tal-PN, wara dak li għamel Azzopardi l-ġimgħa l-oħra, l-istess tmexxija la hi lesta, u lanqas tista’ tiddisassoċja ruħha minn Jason Azzopardi.
Sorsi midħla tal-PN, u li tkellmu ma’ ONE News, qalu illi kemm -il darba jibqa’ Karol Aquilina jiddetta x’għandu jiġri fil-PN, Jason Azzopardi jibqa’ jirrenja fil-PN u dan minħabba, fost l-oħrajn, li Robert Aquilina, ta’ Repubblika, li jiġi hu Karol Aquilina, u Jason Azzopardi huma ħaġa waħda.
Aktar minn hekk, Bernard Grech ma jaffordjax jurta lil Jason Azzopardi, kemm għax dan kien wieħed mill-perċimes biex l-istess Grech tpoġġa fis-siġġu ta’ Kap, kif ukoll minħabba li Grech jaf li jekk jurta lil Jason dan idur kontrih, jigdeb fuqu u jpattiehlu.
Tant Bernard Grech huwa maqbud minn kull naħa, u ma jista’ jagħmel xejn fil-konfront ta’ Jason Azzopardi, illi dakinhar stess illi l-eks Deputat Nazzjonalista ammetta li kien gideb fil-konfront ta’ Ryan Spagnol, Azzopardi kien mistieden speċjali fuq l-istazzjon Nazzjonalista, NET TV.