L-Unjoni Ewropea xtrat ammont rekord ta’ liquefied natural gas jew LNG mir-Russja s-sena li għaddiet, minkejja l-isforzi fl-aħħar tliet snin biex jitwarrbu l-fuels ipprovduti mill-pajjiż fi gwerra.
Minkejja dan, ċifri uffiċjali ppubblikati mill-gazzetta The Guardian jixhdu kif tankers iġorru mas-17.8 miljun tunellata ta’ gass Russu trakkaw f’portijiet Ewropej is-sena li għaddiet, żieda ta’ żewġ miljun tunellata fuq is-sena ta’ qabel.
Għalkemm l-Ewropa qatgħet il-maġġoranza tal-importazzjonijiet tal-gass fuq l-art mindu bdiet l-invażjoni fl-Ukrajna, kien hemm żieda sinifikanti fit-trasport bil-baħar minn numru ta’ pajjiżi, inkluż mir-Russja, li mhux biss żdiedu, iżda wkoll jinsabu f’livelli rekord.
Fil-fatt, ir-Russja fl-2024 qabżet lill-Qatar fit-tieni post fost l-aktar produtturi tal-LNG bi provvisti lill-Ewropa, wara l-Istati Uniti.
L-Unjoni Ewropea xtrat iżjed minn disgħa u erbgħin metru kubu ta’ gass Russu mill-pipelines u iżjed minn erbgħa u għoxrin metru kubu ta’ gass likwidu permezz ta’ bastimenti is-sena l-oħra. Xiri stmat li jlaħħaq is-sebgħa punt tliet biljun ewro.
Iċ-ċifri tħabbru ftit jiem wara li l-Ukrajna waqqfet il-gass Russu mill-pipelines tagħha biex ġabet fi tmiemha rotta li kienet ilha mill-era Sovjetika bejn il-pajjiżi ġirien.
Analisti, li tkellmu mal-Guardian, argumentaw li l-Unjoni Ewropea qed timmina l-appoġġ tagħha lill-Ukrajna u anke l-miri klimatiċi tagħha stess billi tkompli tħallas lir-Russja għall-fuels.
Raġuni li ngħatat għaż-żieda fl-importazzjoni tal-gass fl-Unjoni Ewropea hi li dan qed jiġi offrut bi prezz imraħħas mingħajr ebda sanzjonijiet fuq din il-komodità, waqt li kumpaniji qed joperaw fl-interess tagħhom u jixtru kwantitajiet akbar mill-orħos supplier.
L-Unjoni Ewropea timmira li tieqaf timporta fuels fossili mir-Russja sal-2027, iżda ma tidhirx li lesta twaqqaf il-gass kif għamlet fil-każ tal-faħam u ż-żejt. Minbarra hekk, f’Ġunju li għadda qablet li sa Marzu li ġej tissospendi servizzi għat-trasport bil-baħar ta’ LNG Russu lil pajjiżi li mhumiex membri tagħha.