Bassara tat-temp f’Kalifornja qed javżaw li din il-ġimgħa mistennija jerġgħu jqumu rjieħat qawwija li kienu l-konsegwenza li nfirxu n-nirien infernali madwar Los Angeles, hekk kif il-ħaddiema tat-tifi tan-nar jinsabu f’ġirja kontra l-ħin sabiex jikkontrollaw it-tliet nirien li għadhom mifruxa.
L-uffiċjali wissew li wara li fi tmiem il-ġimgħa r-riħ kien relattivament kalm, jidher li sa nhar il-Erbgħa se jerġgħu jiżdiedu anke sa qawwa ta’ 96 kilometru fis-siegħa.
Hekk kif ir-riħ kien ikkalma, il-pumpiera kienu għamlu progress li jwaqqfu t-tixrid tan-nirien fatali li jinsabu fi truf opposti tal-belt f’Palisades u Eaton . Huma qed jiġu assistiti minn ekwipaġġi minn tmien stati oħra kif ukoll mill-Kanada u l-Messiku.
L-eżaminatur mediku tal-Kontea ta’ Los Angeles, ilbieraħ aġġorna n-numru ta’ mwiet għal 24 filwaqt li uffiċjali, aktar kmieni qalu li mill-inqas 16 oħra għadhom neqsin.
Sittax mill-mejta nstabu fiż-żona ta’ Eaton u tmienja f’Palisades hekk kif huma tlieta n-nirien li għadhom jaħkmu l-belt bl-akbar nar ikun dak ta’ Palisades fejn għadhom ikkontrollaw biss tlettax fil-mija minnu. In-nirien f’Eaton huma 27 fil-mija kkontrollati filwaqt li dak ta’ Hurst kwazi huwa kkontrollat għal kollox.
Dawn in-nirien huma meqjusa bħala l-aktar li qatt ikkaġunaw danni fl-istorja tal-Istati Uniti fejn qed jiġi stmat li t-telf finanzjarju min-nirien se jkun bejn 250 u 275 biljun dollaru.