It-13 ta’ Jannar tal-2020. Bħal-lum ħames snin, Robert Abela ħa l-ġurament bħala l-14-il Prim Ministru ta’ Malta.
Mill-ewwel messaġġ tiegħu lin-nazzjon bħala Prim Ministru, wassal messaġġ ta’ għaqda.
Għaqda li kienet tant importanti sabiex pajjiżna jaffaċċja l-akbar sfida mit-Tieni Gwerra Dinjija, dik tal-pandemija. Waqt il-pandemija, il-Gvern sostna lill-ħaddiema bil-Covid Wage Supplement u dan wassal biex pajjiżna ħareġ minn din l-isfida ferm aħjar minn pajjiżi Ewropej.
Wara l-pandemija faqqgħet il-gwerra fl-Ukrajna, li waslet għall-kriżi tal-enerġija u għal żieda qawwija fl-inflazzjoni. Hawnhekk il-Gvern tal-Prim Ministru Robert Abela refgħa l-piż hu, fejn ta u għadu qed jagħti s-sussidji. B’dan wassal biex il-familji u n-negozji Maltin kellhom kontijiet tad-dawl li baqgħu stabbli u m’ogħlewx, bħal ma ġara f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.
Dan filwaqt li fis-sajf tal-2020, il-Prim Ministru Robert Abela nnegozzja l-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej, li pajjiżna qatt kiseb. Id-doppju tal-fondi li kiseb Gvern Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi.