Illum fil-Belġju hemm ippjanata ġurnata ta’ azzjoni fuq skala nazzjonali bi protesta kontra r-riformi ġodda tal-pensjonijiet li mistennija tikkawża kaos hekk kif ħafna għalliema kif ukoll ħaddiema tat-trasport pubbliku, ajruport u ferroviji rreġistraw li se jistrajkjaw.
Dan ifisser li dawk li se jkunu qed imorru għax-xogħol bit-trasport pubbliku probabbli mhux se jkunu jistgħu jagħmlu dan hekk kif l-unjins qed iħeġġu lill-ħaddiema tat-trasport sabiex jonoraw din l-azzjoni industrijali. Filfatt l-operatur tal-ferroviji SNCB diġa kkonferma li se jkun biss qed jopera waħda minn kull tliet ferroviji.
L-ajruport ta’ Brussell ħabbar ukoll li ammont kbir ta’ titjiret se jkollhom ikunu kkanċellati jew skedati mill-ġdid, filwaqt li ħafna tfal se jibqgħu fid-djar hekk kif madwar 20,000 għalliem iddikjaraw li se jieħdu sehem f’din l-azzjoni industrijali u għalhekk dan ifisser li l-ġenituri wkoll se jkollhom jibqgħu d-dar.
Fi Brussell jaf ukoll ikun affettwat il-ġbir tal-iskart u xi uffiċjali li jaħdmu fil-ħabs ukoll se jkunu qed jistrajkjaw.
Fl-ewwel ta’ din is-sena, l-età tal-irtirar fil-Belġju minn 65 telgħat għal-66 u mistennija ssir 67 sas-sena 2030. Dan apparti li hemm aktar tibdiliet proposti mill-gvern li ma niżlu xejn tajjeb mal-ħaddiema tas-settur pubbliku.