L-isptarijiet privati DaVinci u St James ikkundannaw id-direttivi tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM, sabiex it-tobba jieqfu jittrasferixxu pazjenti fl-isptarijiet privati biex jirċievu kura u jsiru xi operazzjonijiet.
L-isptar DaVinci qal li flimkien ma’ żewġ sptarijiet oħra privati, offrew ir-riżorsi tagħhom sabiex jgħinu lill-Isptar Mater Dei, f’każijiet minuri ta’ emerġenza.
B’din il-kollaborazzjoni għandha l-għan li tnaqqas il-ħin ta’ stennija għall-pazjenti, waqt li f’Mater Dei, l-emerġenza tiffoka fuq każijiet aktar serji.
Intqal li wara investiment li sar, l-isptar privat hu ppreparat sabiex joffri dawn is-servizzi essenzjali.
Fl-istqarrija ġie nnotat kif dawn id-direttivi ġie f’perjodu ħażin, hekk kif bħalissa huwa l-perjodu meta jkollok bosta nies morda u jkollhom jidħlu l-isptar.
Intqal li d-direttivi għandhom jittieħdu bħala l-aħħar miżura. Huma appellaw ukoll lill-unjin biex jirrikonsidraw din id-direttiva u sabiex jinnegozzjaw mal-Ministeru għas-Saħħa.
Dan filwaqt li l-isptar St James qal li l-fatt li sptarijiet privati se jgħinu biex itaffu l-ħin ta’ stennija, huwa pass fid-direzzjoni t-tajba.
Intqal li ftehim bħal dan huwa ta’ ġid sabiex tnaqqas il-pressjoni minn fuq is-sistema tas-saħħa nazzjonali.
L-isptar St James għamel numru ta’ mistoqsijiet lill-Unjin dwar x’inhu ħażin li jkun hemm din il-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-privat.
L-isptar privat appella biex il-Unjin u l-Gvern jaħdmu flimkien sabiex tissolva din is-sitwazzjoni.
Sadanittant, fi stqarrija dwar dan, il-Partit Laburista qal kif il-Partit Nazzjonalista jipprova jiskorja punti politiċi fuq tilwima industrijali f’settur tant kruċjali f’pajjiżna, bħalma hi s-saħħa hu tassew sinjal ieħor tal-politika fqira li tħaddan l-Oppożizzjoni, li fuq in-naħa tad-deċiżjonijiet ma ssibha mkien.