“Mhux se nieqfu nkunu t-tarka taż-żgħir.”
Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, waqt Mass Rally organizzat mill-Partit Laburista f’għeluq il-ħames snin minn meta sar Mexxej Laburista.
Hawn, il-Prim Ministru tkellem dwar kif pajjiżna għandu ekonomija b’saħħitha u l-Gvern qed iqassam il-ġid – bl-ekonomija tikber bi kważi sitt darbiet aktar minn dak fl-Unjoni Ewropea.
Spjega kif fi żmien il-pandemija, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet iktar mehdija bil-ġlied intern – tant li tkeċċa l-Kap.
Qal li kieku kien għal ħaddieħor illum qed nitkellmu fuq staġnar ekonomiku – hekk kif ħaddnu l-awsterità.
“Jistgħu jipprovaw iwaqqfuna kemm iridu, jistgħu jużaw liema forzi oskuri joħolmu bihom, imma sakemm tibqa’ tħabbat qalbna mhux se niqefu nkunu t-tarka taż-żgħir, il-vuċi tal-batut u s-saħħa ta’ dawk li jħobbu lil pajjiżna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern ra li jkun hawn indipendenza fl-istituzzjonijiet u riformi f’setturi varji tal-pajjiż.
Spjega kif il-Gvern ressaq għall-konsultazzjoni pubblika l-Malta Labour Migration Policy, li se tindirizza l-kwistjoni tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi mhux bil-popoliżmu, imma bi 32 proposta.
Viżjoni ċara – fejn il-ħaddiema minn pajjiżi terzi jiġu, fejn hemm bżonn biss. Qal li fejn m’hemmx bżonn ma jiġux u l-abbużi mhux se jiġu tollerati.
Semma wkoll il-Viżjoni Malta 2050 li hija importanti biex Malta tibqa’ l-aqwa fl-Ewropa, jinkisbu l-miri diġitali u ambjentali u biex ikollna Malta isbaħ.
Dwar Għawdex, Dr Abela qal li l-ġid nazzjonali, ras għal ras, f’Għawdex kiber iktar milli kien kiber f’ħames snin ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista.
Spjega kif Għawdex se jservi ta’ mudell ta’ żvilupp ekonomiku u ta’ bażi għal dak li se jsir f’Malta.
Il-Prim Ministru temm jgħid li l-Partit Laburista jibqa’ rebbieħ għax dejjem se jibqa’ jiġġedded u joffri tama ta’ futur aqwa.
Qal li fl-għaqda hemm is-saħħa għal Għawdex u Malta – filwaqt li appella lill-Maltin u l-Għawdxin biex jibqgħu miegħu biex pajjiżna jilħaq prosperità ġdida.
“Dan il-Partit jibqa’ rebbieħ għax dejjem se jibqa’ jiġġedded u joffri t-tama ta’ futur aħjar. Flimkien b’saħħitna ’l quddiem. Fl-għaqda hemm is-saħħa għal Għawdex u Malta tagħna. Għall-familji. Il-ħaddiema. Iż-żgħażagħ. Il-pensjonanti. In-negozji. Grazzi minn qalbi tal-appoġġ li dejjem tajtuni. Bikom miegħi għelibna l-isfidi u wettaqna ħafna. Fadlilna ħafna x’niksbu flimkien għal Malta pajjiżna. Nemmen fikom fil-Maltin u l-Għawdxin – ibqgħu miegħi ħalli pajjiżna jilħaq propserità ġdida biex naslu għal pajjiż ta’ kwalità. Biex Inġeddu Malta Pajjiżna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela