Mosta kisbu l-passaġġ għar-round tas-16 tal-Meridianbet FA Trophy meta kisbu rebħa konvinċenti ta’ 3-0 kontra Marsaxlokk, biex b’hekk wara l-umiljazzjoni li sofrew fit-telfa kbira ta’ 6-1 kontra Hamrun Spartans fil-Malta Premier fil-partita preċedenti, din kienet it-tieni telfa konsekuttiva għax-Xlukkajri.
Kienet rebħa meritata għall-Mostin, fejn madankollu, għalkemm ir-riżultat kien dak li kien, wieħed ma jrid ineħħi xejn mill-mertu ta’ Marsaxlokk li offrew oppożizzjoni denja lil Mosta f’ċerti ħinijiet fil-partita, fejn iżda sabu lill-goalkeeper tagħhom David Udoh Akpan f’vena mill-aqwa li salva goals ċerti fil-partita, speċjalment fl-ewwel taqsima.
Kienu Mosta li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss sitt minuti rebħu penalty meta l-goalkeeper Serb ta’ Marsaxlokk Marko Drobnjak waqqa’ lill-player ta’ Mosta fil-kaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu il-veteran Clayton Failla li permezz ta’ xutt b’saħħtu tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.
Marsaxlokk wettqu reazzjoni tajba u fis-26 minuta freekick insidjuż tal-ispeċjalista Nikolai Muscat ħareġ l-aħjar tal-goalkeeper ta’ Mosta David Udoh Akpan li salva bi bravura.
Huma komplew jiddettaw il-logħob fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs u fit-43 minuta l-iskorer prolifiku Brażiljan Yuri De Jesus Messias ra t-tentattiv tiegħu salvat għal darb’oħra bi bravura minn Akpan.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima kienu x-Xlukkajri li ħolqu l-ewwel periklu fil-50 minuta meta Yuri De Jesus Messias kellu freekick ċentrali li ftit li xejn impenja lil Akpan, li salva mingħajr wisq diffikultá.
Madankollu, fid-59 minuta, Mosta rebħu t-tieni penalty fil-partita meta s-sostitut Duvan Torres waqqa’ lil Zachary Brincat fil-kaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu Clayton Failla li b’eleganza spara l-ballun fis-saqaf tax-xibka, biex b’hekk irreġistra doppjetta personali.
Mosta ssiġillaw ir-rebħa permezz tat-tielet goal fl-74 minuta permezz ta’ xutt b’saħħtu minn tarf il-kaxxa ta’ Giancarlo Goncalves li ma ta l-ebda ċans lil Matthew Calleja Cremona sabiex isalva.
Mosta komplew jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Trustin Farrugia Cann