Naxxar Lions kisbu post ma’ l-aħħar 16 b’rebħa fuq Melita li mmaturat fil-ħin barrani f’logħba li fiha assistejna għal xejn anqas minn tliet penalties.
Melita marru fil-vantaġġ wara disa’ minuti logħob meta Matthew Debattista nkariga ruħu minn freekick u għeleb lill-goalkeeper Andre Fenech b’xutt li spiċċa fir-rokna tax-xibka.
Naxxar damu biex iwettqu reazzjoni tant li kien fis-27 minuta li resqu qrib permezz ta’ xutt ta’ Takuma Yamaguchi li ġie mxellef minn difensur f’corner.
Żewġ minuti biss wara Naxxar rebħu penalty meta Edson Farias Cerqueira ġie mwaqqa’ fil-kaxxa minn Kurt Bondin. Imma l-goalkeeper Gosef Mizzi salva tajjeb ix-xutt mill-11-il metru ta’ Maicon Da Silva Souza.
Kien l-istess Maicon Da Silva Souza li resaq qrib fl-40 minuta b’xutt mill-bogħod li għadda sbrixx mal-mimduda.
Naxxar reġgħu ħargu fuq l-attakk fit-tieni taqsima u rebħu t-tieni penalty fit-52 minuta meta Takuma Yamaguchi ġie mwaqqa’ fil-kaxxa minn Marcelino Motta. Inkariga ruħu mill-penalty Ryan Gilmour Cassar li għeleb lil Mizzi biex għamel l-iskor indaqs.
Iżda fit-63 minuta kien imiss lil Melita li jingħataw penalty meta l-istess Cassar mess il-ballun b’idu fil-kaxxa u Matthew Debattista reġa’ poġġa lil Melita fil-vantaġġ.
Il-Lions għafsu għall-goal tad-draw u dan wasal fl-74 minuta fejn kien Tara Ndao li skorja b’xutt fil-baxx għar-rokna wara ndeċiżjoni fid-difiża tal-Melita.
Fil-ħin barrani Naxxar dehru ferm aktar effettivi fil-logħob tagħhom biex għamlu ċert mill-kwalifikazzjoni. Huma marru għall-ewwel darba fil-vantaġġ fid-98 minuta meta l-goalkeeper Mizzi ħareġ jikklerja azzjoni perikoluża ta’ Naxxar barra l-kaxxa bil-ballun jasal għand Maicon Da Silva Souza li b’Mizzi barra minn postu illobbja ballun preċiż fir-rokna tax-xibka.
Naxxar għalqu l-loghob fil-105 minuta permezz ta’ freekick dirett mogħti minn Takuma Yamaguchi li għeleb għal kollox lill-Mizzi.
Melita ppruvaw jerġgħu jidħlu fil-logħba imma Naxxar iddefendew tajjeb il-vantaġġ li kellhom biex l-iskor baqa’ ma nbidilx.
Referee: Slobodan Petrovic