F’ġurnal li kiteb l-eks Ministru għall-Ġustizzja u Avukat Edward Zammit Lewis fit-Times of Malta tas-Sibt, tkellem dwar l-importanza li l-kostituzzjoni tibqa’ tkun aġġornata maż-żminijiet tal-lum.
Semma kif din id-diskussjoni hija waħda importanti li tkompli ssir, fejn qal kif ħames snin ilu, il-Prim Ministru kien afdalu biex fl-inqas żmien possibbli joħorġu b’riformi kemm kostituzzjonali u istituzzjonali li kien hemm bżonn biex l-istess kostituzzjoni tibqa’ tissaħħaħ, bħalma kien sar.
Zammit Lewis stqarr li għalkemm din il-kostituzzjoni servietna b’mod tajjeb, ma jfissirx li m’għandiex tkompli l-ħidma biex din dejjem tkun aġġornata mal-bżonnijiet tal-lum.
Fakkar kif lura fl-2020, f’isem il-Gvern kien implimenta pakkett ta’ għaxar riformi, liema kienu ta’ importanza kbira. Fosthom li l-Prim Imħallef ikun maħtur b’vot unanimu mill-Parlament, li l-President tar-Repubblika jkun maħtur b’vot ta’ żewġ terzi tal-Parlament u li membri tal-ġudikatura jiġu maħura wara sejħa pubblika u proċess indipendenti.
Zammit Lewis rrimarka li dan kollu kien ġie implimentat fi ftit żmien biss, liema minnhom messhom kienu ilhom li ttieħdu snin twal però saħaq li l-ebda Ministru Nazzjonalista qatt m’għamel xejn fuqhom.
Zammit Lewis fakkar li fl-aħħar leġislatura tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, deputati bħal Franco Debono kienu anke pproponew riformi tajba, liema riformi qatt ma ddaħħlu mill-istess Gvern Nazzjonalista.
Fl-opinjoni tiegħu, qal li jaħseb li dawn il-bidliet jridu jsiru mhux mill-President innifsu, hekk kif ċerti bidliet kapaċi jkunu jikkonċernaw l-istess Presidenza. Qal li għalhekk huwa mportanti li l-Parlament jkun il-mutur li jmexxi dawn ir-riformi, għaliex huwa l-istess Parlament li jbiddel il-liġijiet bħala r-rappreżentant tal-Maltin u l-Għawdxin.