“Policy f’waqtha li tirrifletti r-realtajiet tal-lum.”
Dan kien wieħed mill-kummenti pożittivi li ngħataw b’reazzjoni għal dak li tħabbar ftit jiem ilu mill-Gvern b’rabta mal-ħaddiema barranin li jiġu f’pajjiżna.
ONE News tkellem mal-Avukat Jonathan Spiteri u spjega kif din il-politika se ġġib aktar stabbiltà u drittijiet għall-ħaddiema kollha, inkluż dawk dawk Maltin u l-Għawdxin.
“Li togħġobni hija li din il-policy ma tiffukax fuq li ħa nkeċċuhom ’il barra jew x’ħa nagħmlu bihom. Tirrifletti il-bżonnijiet tal-ekonomija għax għandna bżonnhom m’hemmx mod ieħor, għandna bżonnhom u għandna bżonn talenti li jikkumplimentaw dawk li għandna f’pajjiżna u li jirriflettu x-xogħlijiet il-ġodda li qed jinħolqu kuljum biex l-ekonomija tkompli tikber. Il-policy tiffoka fuq dik kif ukoll fuq il-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom. Dawn huma ħaddiema dawn huma nies u huwa importanti ħafna li mhux nittrattawhom ta’ numri, dawn huma nies, għandhom il-familji tagħhom u bil-ħiliet tagħhom dawn ħa jkomplu jgħinu biex nikbru bħala pajjiż.”
JONATHAN SPITERI
Fil-fatt b’rabta mad-dinjità tal-ħaddiema barranin, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union tenna li bħala trejdunjin, ilhom jipproponu u jisħqu biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jinqatgħu l-abbużi relatati mad-dinja tax-xogħol f’pajjiżna, filwaqt li jiġu garantiti dħul diċenti u kundizzjonijiet xierqa.
“Hija policy importanti ħafna biex naqtgħu l-abbużi u l-isfruttament kemm fuq il-ħaddiema barranin u kif ukoll biex ma tidħolx abbuż fuq il-ħaddiema barranin li qed ibagħtu minnu l-ħaddiema Maltin. Aħna l-liġi tax-xogħol hija bbażata fuq il-valur tax-xogħol u l-valur tal-paga u huma ugwali għal dak li għandu jkun u l-istess ħaġa qegħdin nagħmlu hawnhekk. Kien pass importanti ħafna għalina.”
JOSEF BUGEJA
Sadanittant, l-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering l-ACE laqgħet din l-aħbar u fi stqarrija qalet li dan huwa qafas meħtieġ.
L-istess sentiment pożittiv ġie mingħand Joe Gerada, regolatur tan-negozju tal-familja.
“Ikun hemm stabbilità fis-suq tal-ħaddiema fis-settur tar-riżors uman biex dawk li jriu jkomplu jinvestu fin-negozju tagħhom, inkluż negozju tal-familja ikunu jafu li isma jiena nista ndur fuq is-suq u nsib ħaddiema li għandhom dawk l-iskills, dawk il-kapaċitajiet li hemm bżonn biex jidħlu fis-suq tax-xogħol.”
JOE GERADA