Analiżi tal-investiment soċjali fil-baġit tal-Gvern matul l-aħħar snin, turi li aktar ma kibret l-ekonomija f’pajjiżna, aktar żdied l-investiment fis-settur soċjali.
Fil-fatt, waqt li fl-elfejn u tnax, Malta kellha Prodott Gross Domestiku ta’ seba’ biljuni, erba’ mija u disgħa u sebgħin miljun ewro, għall-aħħar sena sħiħa li hemm ċifri disponibbli, jiġifieri l-elfejn u tlieta u għoxrin, jirriżulta li l-ekonomija Maltija aktar milli rduppjat, fejn iċ-ċifri telgħu għal għoxrin biljun, ħames mija u tnejn u erbgħin miljun Ewro.
Matul l-istess perjodu, dan it-tkabbir ekonomiku wassal biex kiber il-baġit nazzjonali, fejn f’aktar minn 10 snin dan tela’ għal seba’ biljuni, tliet mija u tmienja u erbgħin miljun ewro fl-elfejn u tlieta u għoxrin.
Din iż-żieda fil-baġit nazzjonali wasslet biex jiżdied l-investiment fil-qasam soċjali matul l-istess perjodu ta’ snin.
Għaldaqstant, waqt li l-nefqa fuq il-qasam soċjali matul l-elfejn u tnax laħħqet il-biljun u sebgħa u erbgħin miljun ewro, l-investiment fuq il-qasam soċjali – jiġifieri benefiċċji u servizzi soċjali, akkommodazzjoni soċjali, inklużjoni u anzjanità attiva, – fis-sena elfejn u tlieta u għoxrin, tela’ għal żewġ biljuni, sitt mija u disgħa u disgħin miljun ewro.
Il-fatt li aktar riżorsi qed jiġu allokati għall-qasam soċjali juri l-impenn tal-Gvern u tal-pajjiż biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali b’mod sostenibbli. Dan huwa sinjal ta’ kif l-ekonomija tista’ tkun effettiva jekk akkumpanjata minn politiki soċjali b’saħħithom li jagħtu prijorità lill-ħarsien soċjali taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.