F’konferenza tal-aħbarijiet fejn fiha kompliet toħroġ il-ħdura tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista fil-konfront tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, li s-soltu jitkellem dwar kollox, qal li m’għandux kumment meta mistoqsi x’qed jordnawlhom tar-Repubblika biex jgħidu dwar id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li jaqbel mal-pubblikazzjoni b’mod inġenerali tal-inkjesti skont ir-rettezza tal-ġustizzja.
ĠURNALIST: “Il-Prim Ministru kien anke ċar meta qal li huwa favur il-pubblikazzjoni tal-inkjesti b’mod ġenerali. X’qed jgħidulkom tar-Repubblika biex tagħmlu?”
REKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLIKAROL AQUILINA: “Xejn, m’għandix informazzjoni dwar hekk.”
Karol Aquilina kien evidentement skomdu meta ONE News għamel referenza dwar kif jitmexxew mill-fazzjoni estremista fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, fosthom mill-għaqda Repubblika, li l-President Onorarju tagħha hu proprju ħuh, Robert.
L-istess tweġiba li ma jafx u m’għandux informazzjoni taha wkoll għal mistoqsijiet oħrajn, fosthom dwar il-finanzjament tal-Partit Nazzjonalista u kif issa ilhom is-snin jiksru l-liġi u ma jdaħħlux il-kontijiet awditjati lill-Kummissjoni Elettorali.
F’konferenza tal-aħbarijiet, bid-Deputata Paula Mifsud Bonnici biswitu, Karol Aquilina beżaq il-ħdura u kliem dispreġjattiv fil-konfront tal-Avukat Ġenerali.
Xi ħaġa li anke ġiet innotata mill-Ministeru għall-Ġustizzja li, fi stqarrija, qal li dan it-tgħajjir u insulti kontinwi huma intiżi biss biex jagħmlu pressjoni fuq il-ħidma tal-istess Uffiċċju.
“Li wieħed jgħid li l-Avukat Ġenerali hi inkompetenti u jattribwilha aġġettivi dispreġjattivi bħal dawk li qed tagħmel l-Oppożizzjoni hu l-agħar forma possibbli ta’ disservizz lejn il-ħidma tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji ta’ pajjiżna,” ingħad fl-istqarrija. Dan filwaqt li l-Gvern tenna l-fiduċja sħiħa fl-istituzzjonijiet kollha ta’ pajjiżna.